Lokali

Tlett itfal involuti f’inċident bejn żewġ karozzi; tarbija ta’ sena u xahrejn l-Isptar

Tarbija ta’ sena u xahrejn u żewġ nisa spiċċaw l-Isptar Mater Dei jingħataw il-kura meħtieġa wara li seħħet ħabta bejn żewġ karozzi li kienu nvoluti seba’ persuni.

L-inċident seħħ f’Raħal Ġdid għall-ħabta tal-11 pm fi Triq Ħaż-Żabbar kantuniera ma’ Triq San Ġużepp.

Involuti kien hemm karozza Opel Corsa misjuqa minn raġel ta’ 70 sena minn Marsaxlokk u miegħu kien hemm passiġġiera mara ta’ 70 sena wkoll minn Marsaxlokk.

Il-karozza l-oħra tat-tip Nissan Qashqai kienet misjuqa minn raġel ta’ 31 sena residenti l-Fgura. F’din il-karozza kien hemm erba’ passiġġieri – mara ta’ 24 sena mill-Fgura, tifel ta’ sena u xahrejn, u żewġt ibniet ta’ 3 u 4 snin.

Iż-żewġ nisa u t-tarbija ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. It-tlieta li huma ġew iċċertifikati li sofrew minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.