L-għaqda mhux governattiva SAR Malta Network qed issejjaħ għal Inkjesta Pubblika dwar il-mewt tal-ħames immigranti li tilfu ħajjithom fl-ibħra Maltin nhar il-Ġimgħa li għaddiet. Dan sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jippreżentaw investigazzjoni komprensiva.
SAR Malta Network faħħret il-fatt li l-AFM intervjenew, u li kien hemm dikjarazzjoni lill-media ftit wara li seħħet it-traġedja. Minkejja dan, hemm ħafna domandi li l-Gvern għadu jrid iwieġeb: għaliex is-salvataġġ ma sarx qabel, x’tip ta’ proċeduri intużaw għall-operazzjoni u jekk kienx hemm dinghy disponibbli biex jassisti d-dgħajsa tal-immigranti.
L-għaqda qed titlob biex dawk salvati ma jinżammux f’detenzjoni.
Dwar dan il-każ, bħalissa, għaddejja Inkjesta Maġisterjali.
Is-suldati u s-CPD kienu kruċjali sabiex il-Ġimgħa ġew salvati ħafna ħajjiet ta’ persuni li spiċċaw fil-baħar. L-armata, fil-fatt, għamlet minn kollox biex twettaq ħidma bl-aħjar mod possibbli.
Iżda minn nhar il-Ġimgħa il-Gvern ma qal assulutament xejn dwar din it-traġedja. Bil-Prim Ministru juża dan is-suġġett f’nofs attività politika sempliċiment biex jipprova jirbaħ punti politiċi – u ma ta ebda aġġornament sinifikanti.