Lokali

“Familji li lanqas għandhom €10 għall-ħarġa tal-iskola”

F'Ottubru li ġej Fr Hilary jagħlaq 90 sena

Hawn ħafna familji li ġenwinament m’għandhomx ikel biżejjed biex jippreparaw il-lunch għat-tfal tagħhom.

Hekk iddikjara Fr Hilary Tagliaferro f’kummenti mat-Times of Malta, fejn stqarr li fix-xogħol tiegħu maż-żgħażagħ u mal-familji fil-bżonn dejjem kien gwidat mill-kuxjenza tiegħu.

Fr Hilary ilu snin twal jaħdem f’Paceville. U fis-sena 2000 kien inawgura l-Millenium Chapel.

Fl-intervista ma’ Fr Hilary Tagliaferro, ħareġ l-element qawwi ta’ solidarjetà li jispikka fil-ħidma tal-Millenium Chapel man-nies li huma verament fil-bżonn.

Hawn, hu tkellem kif diversi ġenituri mhux ikollhom flus għall-ikel, filwaqt li oħrajn ma jaffordjawx li jħallsu €10 għal ħarġa tal-iskola.

L-aħħar ċifri Ewropej meħuda mill-iStatistics on Income and Living Conditions juru li f’Malta hawn aktar minn 100,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan ifisser persuna minn kull ħamsa jinsabu f’din il-qagħda prekarja.

It-team tal-Millenium Chapel jgħinu familji anke fil-bżonnijiet mediċi tagħhom, bħax-xiri ta’ mediċini. Dan apparti li joffru counselling b’xejn, u jorganizzaw laqgħat għal min għandu l-vizzju tad-droga.

Isir anke xogħol mal-alkoħoliċi, u programmi ta’ edukazzjoni mal-istudenti tal-iskejjel.

Mat-Times, Fr Hilary – li din is-sena jiċċelebra għeluq id-90 sena tiegħu – tkellem ukoll dwar l-istat li jinsab fih Paceville, u stqarr li sal-lum il-ġurnata din hija zona mingħajr għassa tal-Pulizija; mekka tad-divertiment li lanqas biss għandha faċilitajiet ta’ toilets pubbliċi.