Waqt li f’pajjiżna għandna problema kbira tal-emmissjonijiet, il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jqaċċat is-siġar. Hu propju għalhekk li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun l-vuċi favur l-ambjent.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus, mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg u mix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello.
Ix-Shadow Ministers qalu li ċifri li ppubblikati riċentament mill-Eurostat juru kif il-Gvern jinsab fl-aħħar post fl-enerġija rinnovabbli, b’10.1%, meta fl-Unjoni Ewropea l-medja tinsab madwar 41%.
Barra minn hekk, minbarra li għandu problema tad-distribuzzjoni, pajjiżna għandu wkoll problema fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Is-settur tal-enerġija jinsab bla pjan, bil-Gvern ħadna lura għad-diesel, minflok investa f’sorsi nodfa ta’ enerġija.
Ix-Shadow Ministers komplew li l-Ambjent ħa daqqa kbira taħt il-Gvern ta’ Robert Abela, hekk kif pajjiżna għandu problema tal-emissjonijiet, bil-Gvern qed ikompli jqaċċat s-siġar mit-toroq. Aċċennaw għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun il-Vuċi tal-Ambjent, bl-għan li l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jgawdu minn ambjent kif ukoll arja aktar nadifa.
Il-kelliema qalu li matul is-snin, il-Partit Nazzjonalista baqa’ jinsisti fuq it-tibdil fil-klima u fuq id-diversifikazzjoni tal-enerġija. Sostnew li rigward dan is-suġġett jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-politika partiġġjana, biex nissalvagwardjaw l-ambjent ta’ pajjiżna.
//= $special ?>