Lokali Parlament

Jeħtieġ pjan strateġiku dwar il-futur tat-turiżmu bbażat fuq il-kwalità


Mario de Marco, PN


Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco sostna fil-parlament li jeħtieġ pjan strateġika dwar il-futur tat-turiżmu bbażat fuq il-kwalità.


Mario de Marco tkellem dwar iċ-ċifri tat-turiżmu għas-sena li għaddiet u qal li l-pajjiż laħaq rekrod ta’ iktar minn tliet miljun turist li bejniethom iġġeneraw nefqa ta’ €2.7 biljun bi spiża ta’ €898 għal kull turist. Dawn huma ċifri pożittivi, sostna Mario de Marco.


Il-pajjiż ilu jikseb is-suċċessi fit-turiżmu għal snin twal u r-rekords ilhom jinkisbu sa mill-2007. Dan meta l-pajjiż fetaħ is-swieq għal-low cost airlines biex minn dakinhar il-pajjiż kull sena kull rekord ta’ turisti ħlief fl-2009 meta d-dinja kienet fil-kriżi finanzjarja globali u fl-2020/21/22 meta d-dinja kienet milquta mil-COVID.


Hu qal li s-suċċess fit-turiżmu m’għandux jitkejjel biss mill-ammont ta’ turisti li jżuru l-pajjiż u kompla li jridu jkunu kkunsidrati l-aspetti taż-żieda kbira fil-popolazzjoni. Il-pajjiż għandu rata ta’ sitt turisti għal kull persuna li jgħix f’Maltau din hi l-ogħla rata għal kull turist u resident li teżisti fl-Ewropa.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li studju tal-MHRA juri li l-pajjiż irid jilħaq iċ-ċifra ta’ ħames miljun turist biex jimtlew 80% tal-kmamar li hawn u li huma approvati fis-settur tat-turiżmu.


Dan għandu jwassal għal diskussjoni dwar il-futur tat-turiżmu f’Malta u dwar l-impatt tar-riżultati fuq il-pajjiż, sostna Mario de Marco, li kompla li t-turiżmu jġib diversi opportunitajiet għalkemm hemm ukoll numru ta’ żvantaġġi li t-turiżmu jġib fuq l-aspetti soċjali u ambjentali fosthom il-bini ta’ iktar lukandi u appartamenti fuq l-art limitata.


Hemm ukoll impatti fuq ir-residenti, l-impatt fuq l-isptarijiet, fuq il-bajjiet, fuq il-ħsejjes, fuq id-drenaġġ, fuq it-tindif, fuq it-toroq u fuq l-enerġija, sostna Mario de Marco, li kompla dawn il-problemi qed ikunu massimizzati minn sistema ta’ regolamentazzjoni u infurzar baxxa fil-pajjiż.


Id-deputat Nazzjonalista kompla l-pajjiż m’għandux jispiċċa l-vittma tas-suċċess tiegħu stess u għalhekk għandha tkun addottata strateġija ta’ żvilupp sostenibbli li timminimizza l-impatti negattivi tat-turiżmu.


Mario de Marco kompla li l-industrija għandha tieħu erba’ direzzjonijiet strateġiċi fosthom l-importanza lejn il-kwalità tat-turist, li jitjieb il-prodott turistiku, li jitjieb ir-riklamar u li jkun hemm demokrazija fil-mod kif jittieħdu d-deċiżjonijiet fit-turiżmu.


Dwar il-kwalità tat-turist, Mario de Marco qal li dan l-aspett mhux jingħata l-importanza propju għaliex, fl-2023, il-lukandi ta’ ħames stilel kellhom 8% inqas turisti mill-2019.


Dawn filwaqt li dawn il-lukandi kellhom 14% tal-kmamar li għandhom li kienu qed jitilfu l-flus. Fil-lukandi ta’ erba’ stilel kien hemm 12% tal-kmamar li kienu qed jitilfu l-flus. Jirriżulta li r-rati medja tal-lukandi ta’ ħames stitel kienu fost l-aktar baxxi meta paragunati mal-pajjiżi kompetituri.


Hu tkellem dwar it-tijib tal-prodott turisti u qal li gvern Nazzjonalista kien investa fir-restawr tal-Belt b’Renzo Piano jkun katalist f’dik ir-riġenerazzjoni; ir-riżultati qiegħdin hemm. B’fondi Ewropej kien restawrat Sant’Anġlu waqt li l-parti ta’ fuq ta’ Sant’Iermu kienet ukoll restrawata. Kienet restawrata wkoll iċ-Cittadella f’Għawdex. Gvern Laburista m’għamilx proġetti ta’ restawr, lanqas fil-parti t’isfel ta’ Sant’Iermu li tħalla abbandunat. Dan filwaqt li f’San Ġiljan u f’Paceville hemm diżastru; propju fejn hemm numru ta’ lukandi ta’ ħames stilel.


Mario de Marco kkritika l-iżvilupp ta’ bini anki fuq il-baħar u appella għal bidla radikali fil-mod kif il-pajjiż ikun promoss. Jeħtieġ li t-turiżmu ta’ kwalità jibqa’ jingħata l-prijorità għaliex il-promozzjoni qed tiffoka biss fuq il-kwantità u mhux il-kwalità.


Id-deputat Nazzjonalista kkritika in-nuqqas ta’ trasparenza fil-fondi tal-Awtorità tat-Turiżmu fejn il-Ministru tat-Turiżmu ma jweġibx il-mistoqsijiet dwar infieq inspjegabbli. Jeħtieġ li l-kunsilli lokali u dawk kollha involuti fit-turiżmu jkunu inkluż. Jeħtieġ ukoll li jitfassal pjan biex ikun stabbilit fejn se tmur din l-industrija fil-futur, sostna Mario de Marco.