Ħamrun Spartans fallew milli jżommu l-ħames punti vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika, dan wara li huma sfaw miżmuma fi draw minn Sliema Wanderers. B’hekk huma tilfu żewġ punti prezzjużi fi draw ta’ mingħajr goals kontra tim li lagħab għall-aħħar nofs siegħa bi plejer inqas. L-Ispartans ma’ kienux fl-aqwa forma tagħhom fejn ftit kellhom azzjonijiet ta’ skor biex issa bir-rebħa ta’ Floriana fuq Naxxar il-vantaġġ tal-Ħamruniżi niżel għal tliet punti. Mertu jrid jingħata wkoll lil Sliema li kienu ta’ sfida denja fejn anki meta f’nofs it-tieni taqsima huma spiċċaw b’inferjorità numerika għarfu jiddefendu tajjeb biex żammew lill-plejers avversarji l’bogħod mill-lasta tagħhom. Riżultat ta’ draw bħalma kien il-każ fil-logħba tal-ewwel round bejn dawn iż-żewġ timijiet.
Floriana approfittaw min-nofs żelqa ta’ Ħamrun Spartans b’rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Naxxar Lions. B’hekk b’din ir-rebħa huma komplew l-isfida tagħhom għar-rebħ tal-Kampjonat. B’hekk il-Greens pattew għad-draw ta’ 1-1 fl-ewwel round, minkejja li Floriana kienu eliminaw lil Naxxar fl-IZIBET FA Trophy. Kienet logħba li Floriana ddominaw mill-bidu sal-aħħar fejn dehret id-differenza bejn dawn iż-żewġ timijiet. Issa l-Greens iridu jkunu aktar konsistenti hekk kif naqsu d-distakk minn mal-leaders Ħamrun Spartans. Mill-banda l-oħra, Naxxar Lions wara bidu daqstant tajjeb qed jonqsu li jġibu r-riżultati dan l-aħħar biex bil-mod il-mod kapaċi li jkunu nvoluti fit-taqtigħa ħarxa kontra r-relegazzjoni li qed tinvolvi nofs it-timijiet li jiffurmaw il-Kampjonat Premier.
Ikomplu jikbru l-problemi għal Valletta wara li t-tim mill-Kapitali sofra t-tielet telfa konsekuttiva meta kienu megħluba minn Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-0. B’hekk huwa ċar li l-kriżi hija waħda profonda fejn issa jinsabu fit-12-il post tal-klassifika. Barra minn hekk evidenti l-problemi offensivi fejn għal darb’oħra naqsu li jsibu x-xibka avversarja. Biex ikomplu jikbru l-problemi għalihom, it-timijiet l-oħra fin-naħa t’isfel tal-klassifika kollha kisbu l-punti. Kienet logħba li Marsaxlokk ħarġu tajjeb biex sa’ nofs l-ewwel taqsima kisbu vantaġġ doppju. Minn hemm ’il quddiem l-azzjonijiet kienu rari fuq il-lasti rispettivi biex ix-Xlukkajri ħarġu kuntenti li kisbu tlett punti oħra li bihom iżommu t-tamiet ta’ kwalifikazzjoni fl-Ewropa ħajjin. Għal Valletta ġurnata oħra sewda u issa jridu jaħsbu fil-logħba li jmiss li ser tkun għadma iebsa oħra hekk kif iridu jiffaċċjaw liċ-champions u leaders tal-kampjonat Ħamrun Spartans.
Tkompli l-mixja pożittiva ta’ Santa Lucia meta kif kien mistenni huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Gudja United bl-iskor kbir ta’ 4-0. Riżultat li għall-ewwel darba dan l-istaġun jara lis-Saints ’il barra miż-żona tar-relegazzjoni biex b’hekk ikomplu jemmnu li jistgħu għal staġun ieħor isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni. Kien hemm tim wieħed biss fil-pitch b’Santa Lucia juru l-intenzjonijiet tagħhom mill-ewwel filwaqt li jidher ċar li Gudja United huma rassenjati u tim bla ebda motivazzjoni, tim li jibqa’ jfittex l-ewwel rebħa tal-istaġun, tim li qed jistenna l-matematika sabiex tikkundannah. Mill-banda l-oħra s-Saints huma tim li kapaċi jaslu għal dan it-tragward diffiċli iżda mhux impossibbli. Minn mindu ħa t-tmexxija Zinnari huma wrew titjib konsiderevoli.
Tim ieħor li kompla bil-mixja pożittiva tiegħu huwa Gżira United, dan wara li fi tmiem il-ġimgħa huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 4-0. Kienet rebħa meritata għall-Maroons minkejja li forsi l-iskor mhux indikattiv tal-logħba peress li nemmen li kien xi ftit kiefer mat-tim minn San Pawl il-Baħar. Rebħa li tellgħet lil Gżira United fis-seba’ post tal-klassifika b’24 punt. Jidher li waħda mid-deċiżjonijiet tajbin li għamlu Gżira kienet li wara li telaq Darren Abdilla ħatru lill-assistent tiegħu Andrew Cohen bħala kowċ. Dan għaliex evitaw li jkun hemm skossi u bidla radikali. B’hekk kien hemm kontinwità b’persuna li l-plejers kollha kienu jafu. Bħal każ ta’ Gudja l-istess jista jingħad fuq Sirens fejn id-distakk qed ikompli jikber bit-tamiet prattikament jisfaxxaw minn ġimgħa għall-oħra.
Birkirkara kisbu tliet punti oħra importanti wara li rebħu l-konfront tagħhom kontra Mosta u b’hekk baqgħu jżommu l-ħames post tal-klassifika. Kienet logħba oħra diffiċli kontra tim li ried il-punti minħabba l-pożizzjoni prekarja li jinsab fiha. Tlett punti li jfissru wkoll li l-Istripes jibqgħu fit-taqtigħa għal post fl-Ewropa, objettiv prinċipali għat-tim immexxi minn Jose Borg. F’dawn l-aħħar logħbiet huma wrew titjib biex jittamaw li jtemmu l-istaġun fuq nota pożittiva. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Mosta li l-problemi qed ikomplu jikbru hekk kif wara din it-telfa huma jinsabu jokkupaw il 11-il post fil-klassifika, pożizzjoni li din is-sena tfisser relegazzjoni. It-taqtigħa ser tibqa’ sal-aħħar ġurnata minn kif inhuma l-affarijiet u għaldaqstant kull punt miksub huwa punt mirbuħ.
Balzan u Hibernians ħadu punt kull wieħed wara li spiċċaw fi draw ta’ 0-0 fi tmiem logħba li ftit li xejn kien hemm azzjonijiet denji matul id-90 minuta. It-tim immexxi minn Oliver Spiteri daħal għal din il-partita’ bit-tama li jieħu xi ħaġa biex ikomplu jitbegħdu miż-żona relegazzjoni. Dan kien it-tieni draw konsekuttiv għal Balzan wara li l-ġimgħa li għaddiet huma żammew draw lil Floriana. Żewġ punti kontra żewġ avversarji diffiċli. Hibernians minkejja li mhux qegħdin viċin iż-żona relegazzjoni xorta waħda għaddejjin minn staġun diffiċli fejn tispikka l-inkonsistenza. L-unika tama tibqa’ dik tal-Ewropa peress li anki mill-IZIBET FA Trophy huma sfaw eliminati.
INNUTAJNA
LI qabel il-partita bejn Sliema Wanderers u Ħamrun Spartans ġiet osservata minuta silenzju b’rispett lejn in-neputija tal-President ta’ Ħamrun Joseph Portelli li ħalliet din id-dinja fil-ġranet li għaddew. Nestendu l-kondoljanzi lill-familjari f’dan il-mument diffiċli. Il-President ta’ Sliema Keith Perry preżenta bukkett fjuri lil Joseph Portelli, President ta’ Ħamrun Spartans.
LI tkompli r-reżistenza tal-maġġoranza tal-partitarji għall-format il-ġdid tal-Kampjonat aktar u aktar meta dan il-kampjonat minkejja li b’14-il tim qed jinvolvi prattikament lit-timijiet kollha. Tnejn jissieltu għall-Kampjonat, erbgħa għall-Ewropa, u sitt timijiet biex jevitaw li jaqgħu peress li l-aħħar tnejn huma prattikament relegati.
LI t-taqtigħa għall-Presidenza tal-MFA ħadet żvolta oħra hekk kif fl-aħħar siegħat tefa’ n-nomina tiegħu l-President ta’ Santa Lucia Robert Micallef filwaqt li Ridha Dardouri naqas li jitfa’ n-nomina tiegħu. B’hekk ser ikun hemm kontestazzjoni wkoll bħalma huwa l-każ tal-Viċi Presidenti fejn hemmhekk hemm numru ta’ nominazzjonijiet għal tlett karigi.
//= $special ?>