Internazzjonali

L-Ukreni jitilfu villaġġ ieħor fir-reġjun ta’ Donetsk

Hekk kif issa l-gwerra fl-Ukrajna daħlet fit-tielet sena tagħha l-attakki fuq diversi ibliet Ukreni qed ikomplu bla waqfien – tant illi issa l-qawwiet ta’ Zelensky tilfu villaġġ ieħor fir-reġjun ta’ Donetsk. Dan war li fttit tal-ġimgħat ilu l-Ukreni tilfu l-belt ta’ Avdiivka – u b’hekk dawn qed ikunu meqjusa bħala żewġ telfiet sinifikanti.

Apparti minn hekk fl-aħħar sigħat rapporti qalu li r-reġjun ta’ Dnipro kien attakkat minn numru ta’ missili Russi li komplew jeqirdu lil dan ir-reġjun. Iżda jidher li ma kien hemm l-ebda fatalitajiet.

L-attakki komplew ukoll fuq l-infrastruttura tal-qamħ hekk kif il-Gvernatur ta’ Kharkiv qal li żewġ missili laqtu żewġ kumplessi kbar fejn hemm miżmum il-qamħ.

Matul din il-gwerra r-Russja ripetutament kellha fil-mira l-infrastruttura tal-qamħ. U bosta mexxejja qed jgħidu li din il-mossa qed issir sabiex il-provvisti tal-ikel jinbidlu f’forma ta’ arma.

Intant, tul il-jum, il-mexxejja Ewropej iltaqgħu f’Pariġi għal konferenza illi sejjaħ il-President Macron, u li iffokat fuq is-sitwazzjoni fl-Ukrajna. Preżenti, apparti mexxejja mill-UE, kien hemm ukoll il-Kanada u l-Istati Uniti.

Fl-istess ġurnata, il-Kremlin ddeskriva l-proposta ta’ Zelensky għall-paċi bħala waħda tad-daħq. Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu l-President tal-Ukrajna qal li f’summit li se jsir aktar tard matul din is-sena se jippreżenta dan il-pjan bil-għan li r-Russja tapprovah.

Fi żviluppi oħra…in-NATO flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea qed jikkunsidraw li jibgħatu aktar għajnuna lejn l-Ukrajna.

S’issa, din il-gwerra ħalliet madwar 150,000 vittma.