Ewropa Lokali

Roberta Metsola l-aktar MEP influwenti tal-aħħar ħames snin

Roberta Metsola l-aktar MEP influwenti tal-aħħar ħames snin. Ċertifikat tad-deheb għall-MEP tal-Partit Nazzjonalista li ġiet fdata bit-tmexxija tal-Parlament Ewropew sentejn ilu.

Skond l-aġenzija EU Matrix, Roberta Metsola kisbet punteġġ ta’ mija fil-mija fejn tidħol is-saħħa tagħha bħala rappreżentant tal-poplu fuq livell Ewropew.

L-analiżi hi bbażata fuq ġabra ta’ “mijiet ta’ eluf ta’ fatti u figuri minn grupp ta’ nies bi ħmistax-il sena esperjenza fejn tidħol politika Ewropea.”

Fost il-kriterji li faħħru dwar Roberta Metsola hemm dik li hi “leġiżlatur ewlieni fejn jidħol it-tisħiħ tad-demokrazija, il-libertà tal-media u l-pluraliżmu fl-Unjoni Ewropea.”

Roberta Metsola qabżet lill-mexxejja tal-gruppi politiċi Ewropej, b’Manfred Weber tal-EPP jikklassifika fit-tieni post b’punteġġ ta’ 93.8 fil-mija u il-kap tas-soċjalisti tispiċċa fit-tielet post b’punteġġ ta’ 17 fil-mija inqas minn Metsola.

Intant, l-MEP Nazzjonalista David Casa ikklassifika fost l-aqwa 20 MEP fejn tidħol il-politika soċjali. Il-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, li fih huma membri l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, kien meqjus bħala l-aktar grupp politiku influwenti fl-istituzzjoni Ewropea.

Din il-klassifika tikkumplimenta l-fatt li minkejja li Malta hi l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea, l-MEPs tagħha jiksbu riżultati ferm għola minn dawk ta’ pajjiżi oħra.