Lokali

AĠĠORNATA: Il-filmati tat-traġedja tal-immigranti ingħataw lill-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta

Kull materjal awdjo-viżiv marbut mal-mewt tal-ħames immigranti u s-salvataġġ ta’ nhar il-Ġimgħa jinsab għandh l-awtoritajiet li qed imexxu l-inkjesta.

Din kienet it-tweġiba li ta l-Kurunell Edric Zahra għad-domandi ta’ Net News wara li dan is-sit talab kjarifika dwar il-filmati li juru dan is-salvataġġ tant importanti mill-membri tal-AFM.

Dwar l-istess tema, il-Gvern baqa’ assolutament fil-muta.

AKTAR KMIENI

L-awtoritajiet lokali baqgħu ma ppubblikawx il-filmat tas-salvataġġ li seħħ il-Ġimgħa; traġedja li żviluppat ftit kilometri biss ‘il barra minn pajjiżna.

Il-Ġimgħa stess, l-uniċi dokumenti li ġew iċċirkolati mal-ġurnalisti kienu żewġ screen shots minn filmat miġbud mill-armata. Dan filwaqt li l-Gvern, tramite id-Dipartiment tal-Informazzjoni, iċċirkola ritratt wieħed għall-media.

Net News għamel talba lill-armata u lill-Gvern sabiex ningħataw aċċess jew niġu murija l-filmat sħiħ tas-salvataġġ – iżda wara tliet ijiem, l-email tagħna baqgħet injorata. Bil-Gvern iżomm segretezza assoluta.

Fl-operazzjoni tal-Ġimgħa, 29 immigrant ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta u ħamsa oħra mietu – erba’ irġiel, u mara.

Dakinhar, id-Deputat Kmandant tal-Armata, Edric Zahra, kien spjega li l-awtoritajiet Maltin ġew informati li kien hemm dgħajsa mgħobbija bl-immigranti u li kienet tinsab ħames mili ’l barra miż-Żonqor, qrib fish farm. Dwar din it-traġedja għaddejja inkjesta Maġisterjali, li mistennija tiddetermina d-dinamika tal-każ.