Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ammettiet tliet serqiet

Mara ta’ 37 sena residenti Santa Venera li għandha problema tad-droga ġiet kkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettiet li serqiet diversi minn tliet stabbilimenti b’aktar minn elf ewro f’oġġetti.  Il-Qorti mponiet fuqha  ordni ta’ superviżjoni ta’ 18-il xahar u li biex trodd lura dak kollu li serqet, ukoll  fi żmien 18-il xahar.

Donna Andrews, li  għall-ewwel wieġbet mhux ħatja, ftit wara ddeċidiet li tammeti li bejn Jannar u dan ix-xahar kif ukoll Lulju li għadda ikkommettiet serq mill-istabbillimenti Atrium u Forestals u mis-Supermarket Smart.

Il-Qorti wissietha bl-ammissjoni tagħha, li tista’ tingħata piena effettiva ta’ ħabs, u għalhekk tagħta ċans terġa’ taħsibha. Il-prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Leonard Caruana li l-akkużi huma dawk li huma u li jġorru piena ta’ bejn ħames xhur u tmien snin ħabs, anke fid-dawl li l-mara saret riċediva.

Ingħad ukoll li Andrews ikkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Wilfred Buttigieg li deher għal Andrews qal li s-sentenza għandha tkun fil-minimu anke fid-dawl tal-fatt li ammettiet fi stadju bikri tal-proċeduri.

Tenna wkoll li r-rieda tagħha hija waħda tajba biex timxi ‘l quddiem f’ħajjitha u li anke se trodd lura dak li serqet u li trid tpoġġi ħajjitha “on track” u fid-dawl ukoll ta’ problemi mediċi li għandha, fejn tixtieq ukoll li ssib impieg.

Il-Qorti qalet lill-ħatja biex tobdi l-ordni ta’ superviżjoni u biex tħallas lura s-somma misruqa li hija dik 307 euro mill-Forestals, 100.34ċ mis-Smart Supermarket, kif ukoll is-somma ta’ 731.90ċ mill-istabbiliment The Atrium. L-Avukat Brandon Bonnici u l-Ispettur Andrew Agius mexxew il-prosekuzzjoni.