Lokali

Żvelati provi li jikkonfermaw id-diskriminazzjoni tal-PBS fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista ilu xhur sħaħ jindika l-iżbilanċ u l-imparzjalità li hemm fil-PBS fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Statistika uffiċjali li ħarġet mis-smigħ quddiem l-Awtorità tax-Xandir b’rabta ma’ din id-diskriminazzjoni dwar kemm kien hemm ‘sound on tape’ bejn membri tal-Partit Laburista u dawk tal-Partit Nazzjonalista ħarġet fid-deher iċ-ċensura fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Dan kollu ħareġ matul konferenza tal-aħbarjiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg.

L-istatistika tindika li bejn id-29 ta’ Marzu 2023 u t-22 ta’ Frar li għadda kien hemm 351 ‘sound on tape’ ta’ esponenti tal-Partit Laburista u tal-Gvern, filwaqt li 27 ‘sound on tape’ ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni.

Dan ifisser li għal, kull darba li nstemgħet il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista, il-vuċi tal-Partit Laburista nstemgħet 13-il darba. Din id-diskrimnazzjoni mhux biss qed tiċċensura lill-Partit Nazzjonalista, iżda lil kull min jgħid kwalunkwè kritika fil-konfront tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kellu smigħ quddiem l-Awtorità tax-Xandir, fejn ippreżentaw 11-il ilment biex jiddiskutu u jagħmlu argumenti rigward l-iżbilanċ kontinwu fuq ix-Xandir Pubbliku. Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista talab li jingħataw statistika ta’ kemm kien hemm ‘sound on tape’ tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni fl-aħħar sena u li dawn sussegwentament ġew mogħtija mill-PBS.

Il-kelliema sostnew li jekk qatt kellna bżonn konferma tad-diskrepanza fix-xandir, illum dawn in-numri huma konferma ċara tad-diservizz li l-PBS qed jagħti lill-poplu u tal-mod kif qed jitmexxa x-Xandir Pubbliku f’pajjiżna.

Il-PBS għandu wkoll obbligi legali li għandu jonora, mhux biss lejn il-Partit Nazzjonalista, iżda anke s-servizz lejn il-pubbliku. Il-PBS qed jonqos milli jwassal il-verità u l-fatti kif inhuma u dak li jwassal tkun informazzjoni kif verament hi u li ma tkunx imbagħbsa.

Mhux aċċettabbli li l-PBS jibqa’ sejjer b’din ir-rotta. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax jaċċetta li l-PBS ikompli jimmanipula l-opinjoni tan-nies bdan il-mod sfaċċat.