Sport Sport Ieħor

Cherise Farrugia tilħaq il-ħamsin rebħa fil-karriera

Waqt il-laqgħa ta’ tiġrijiet li saret it-Tnejn filgħaxija fil-korsa tal-Marsa, is-sewwieqa rivelazzjoni tal-aħħar snin, Cherise Farrugia, irnexxilha tilħaq il-ħamsin rebħa fil-karriera tagħha.

Kien fl-1 ta’ Novembru 2020 meta Farrugia rreġistrat l-ewwel rebħa fil-karriera tagħha permezz ta’ Erromanga, dan meta kien għad għandha biss 16-il sena.

Illum Farrugia għandha 19-il sena u laħqet it-tragward ta’ ħamsin rebħa permezz tas-suċċess li kellha b’Hanouchka f’tiġrija fuq distanza ta’ mil.

Cherise Farrugia ġejja minn familja ta’ dilettanti ta’ dan l-isport. Missierha Andre’ huwa sid ewlieni ta’ żwiemel kemm Malta u anki barra minn xtutna, nannuha Andrew huwa wieħed mill-aktar sewwieqa ta’ esperjenza li għandna fi gżiritna filwaqt li l-bużnannu ta’ Cherise, Kola Farrugia, magħruf bħala “Kola tal-ġebel” hu kkunsidrat fost l-aqwa sewwieqa u trainers li qatt ħarġu minn pajjiżna.

Farrugia kienet bdiet dan l-isport anki meta ta’ eta’ tenera kienet tattendi l-korsijiet organizzati mill-Akkademja tat-Tiġrijiet imwaqqfa mill-Kunsill Malti għall-Isport fl-2010.

Ftit tas-snin ilu hi kienet anki spiċċat b’suċċess kors fiċ-ċentru tat-taħriġ ta’ Grosbois fi Franza organizzat minn Afasec. Barra dan fl-aħħar snin rebħet ukoll il-kampjonat nazzjonali għal sewwieqa taħt il-25 sena u anki rrapreżentat lil Malta barra minn xtutna f’diversi kompetizzjonijiet.