Lokali

Clayton Bartolo ma jgħidx jiddispjaċihx fuq il-vot tal-inkjesta pubblika….u ma jikkundannax id-diskors ta’ Jason Micallef dwar l-atturi

“Inħares ‘l quddiem” – Hekk sostna l-Ministru Clayton Bartolo meta staqsejnih jekk jiddispjaċihx wara li f’Lulju, id-Deputati kollha Laburisti – imbuttati mill-ordnijiet tal-Mexxej tal-Labour u Prim Ministru Robert Abela – ivvotaw kontra li tiġi appuntata inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Deċiżjoni li ntlaqgħet b’diżappunt u dispjaċir enormi mill-poplu, partikolarment il-qraba ta’ Sofia…u ommu li dakinhar kienet preżenti fl-istrangers gallery tal-Parlament.

Illum, 7 xhur wara li Abela kellu jbaxxi rasu quddiem l-għajta ta’ poplu, hemm stennija sabiex matul il-jum tal-Erbgħa inkunu nafu l-eżitu ta’ din l-inkjesta pubblika.

Għaldaqstant Net News staqsa lil wieħed mill-Ministri Laburisti, Clayton Bartolo jekk jiddispjaċihx li ivvota kontra din l-Inkjesta Pubblika…bħalma kien qal s-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea – liema dispjaċir bħal donnu Bartolo m’għandux.

Il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu u l-Industrija tal-Films mhux biss ma esprimix id-dispjaċir tiegħu għal għemilu….iżda wisq inqas ikkundanna l-aġir u d-diskors tal-eks Segretarju Ġenerali tal-Labour Party Jason Micallef wara fil-programm ma’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK – huwa ċekken il-professjonalità u l-kredibbiltà tal-atturi.

Dan hekk kif attakka l-possibilità tan-nomina ta’ Marica Cassar – li hi ukoll attriċi – bħala suċċessur ta’ George Vella. B’Micallef kważi jirredikola tali konsiderazzjoni, għaliex hi attriċi.

Din l-imġieba ġiet kritikata minn bosta – fost oħrajn l-eks Kandidat Laburista Jeffrey Pullicino Orlando fejn insista li…. mingħajr ma trid tistaqsi x’kredenzjali jħoss li għandu min għażel li jipprova jwaqqalha ġieħha f’dawn l-aħħar jiem; kundanna u botta ċara u tonda għad-diskors ta’ Micallef.

Għad-differenza ta’ Clayton Bartolo li minkejja li jgħid li għandu għal qalbu din l-industrija…ċaħad lill-atturi għal aktar minn darba.

Intant, wara li l-ġimgħa l-oħra Bartolo saħaq li se jkun qiegħed jintavola r-rapport tal-Mediterrane Film Festival din il-ġimgħa, erġajna staqsejnih jekk għamilx proprju dan…bir-risposta tal-Ministru tindika li għadu ma preżentahx.

Dan ifisser li wara dawn ix-xhur kollha…sal-lum għadna m’għandniex l-iċken idea kemm ġie jiswa dan il-Festival mit-taxxi tal-poplu.