Graziella Attard Previ, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet fil-parlament li fil-każ tal-immigrant Kusi Dismark, li tkeċċa minn Malta wara 13-il sena, il-gvern wettaq krudeltà.
Meta kienet qed titkellem fl-Aġġornamen tal-parlament Graziella Attard Previ qalet li l-ġustizzja soċjali ma tarax kuluri, razzez jew orjentazzjoni sesswali iżda hi kunċett universali.
Kienet xokkanti l-aħbar li l-immigrant mill-Kosta tal-Ivorju Kusi Dismark li kien ilu jgħix f’Malta għal 13-il sena kien se jiġi deportat lejn pajjiżu. Dan wara li hu kien għamel perjodu ta’ detenzjoni minħabba li kien wasal Malta irregolarment. Hu kien inħeled u tħalla jgħix f’Malta bil-permess tax-xogħol, studja, fetaħ negozju, ħallas it-taxxi, integra u ta kontribut lis-soċjetà Maltija.
Hi tal-iskantament li wara dan kollux, dan ir-raġel intbagħat lura lejn pajjiż; din mhijiex il-ġustizzja soċjali anzi hi krudeltà. Din hi nuqqas ta’ umanità lejn persuna li ilu jgħix f’Malta għal 13-il sena. Minkejja li dan ir-raġel ma kienx ingħata l-istatus ta’ refuġjat, hu mexa ‘l quddiem u ma kienx ta’ piż fuq il-pajjiż.
Dak li wettaq il-gvern meta keċċieh kien attentat ta’ populiżmu mill-gvern. X’se tiggwadanja s-soċjetà Maltija billi tkeċċa? X’wiċċ għandu l-gvern jakkuża lill-PN b’populżjoni meta jitkellem fuq l-isplużjoni fil-popolazzjoni?
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li Malta ma tistax issolvi l-problemi tal-immigrazzjoni mill-Afrika jew midd-dinja iżda l-pajjiż irid juri sens ta’ umanità lejn in-nies li jaħarbu jew li jitilqu fuq vjaġġ perikoluż biex jaslu fl-Ewropa.
Hi kompliet li l-ipokrezija tal-gvern hi qawwija għaliex waqt li jimporta eluf ta’ ħaddiema minn pajjiżi tat-tielet dinja bi ftit ħiliet u li qed ikunu sfruttati, il-gvern ikeċċi nies li għalkemm ikunu ġew irregolari jkunu ilhom jgħixu fil-pajjiż għal snin twal, bnew ħajja stabbli u dejjem obdew il-liġijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li jekk l-immigranti jintbagħtu lura allura dawn għandhm jintbgħatu mill-ewwel u mhux wara ħafna snin. Għaliex Kusi Dismark ma kienx ripatrijat qabel? Din hi vendikazzjoni fuq bniedem li kien qed iwettaq il-ħolma tiegħu. Dan hu gvern li jbiegħ iċ-ċittadinanza lill-miljunarji iżda jkun iebes ma’ persuni li jaħarbu d-diffikultajiet ta’ pajjiżhom. Din il-kefrija ma tiffilettix il-qalb ta’ Malta ħanina. Dan hu gevrn dgħajjef mal-potenzi iżda b’saħħtu mal-fqir u mal-batut.
Hi appellat għal strutura tajba li tħares l-interessi tal-pajjiż u tal-perusni kollha li m’għandhom qatt ikunu mormija b’daqqa ta’ pinna.