Futbol Sport

Ħames gowls ta’ Erling Haaland ipoġġu lil Man City fir-round li jmiss tal-FA Cup

Manchester City kellhom rebħa faċli barra minn darhom ta’ 6-2 fuq Luton Town. L-eroj ta’ Man City kien Erling Haaland li skorja ħames gowls, b’Kevin De Bruyne jipprovdi erba’ assists. Mateo Kovacic skorja s-sitt gowl ta’ City filwaqt li Jordan Clark skorja darbtejn għal Luton.

F’Ewood Park, Newcastle United ukoll avvanzaw għall-kwartifinali tal-FA Cup meta għelbu lil Blackburn Robers wara l-għoti tal-penalties 4-3 wara li sal-120 minuta l-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1. Kienu Newcastle li fetħu l-iskor fil-71 minuta permezz ta’ Anthony Gordon. Blackburn irrispondew u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Sammie Szmodics. Bil-partita tibqa’ b’dan ir-riżultat sal-120, l-eroj ta’ Newcastle kien il-goalkeeper Martin Dubravka li salva l-aħħar penalty tal-captain Dominic Hyam biex poġġa lil Newcastle fir-round li jmiss.

F’partita oħra Leicester għelbu lil Bournemouth 1-0 bil-gowl deċiżiv ikun skorjat fil-ħin barrani permezz ta’ Abdul Fatawu fil-105 minuta.