Lokali

“Id-difetti li hemm fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom jiġu indirizzati minnufih”

Waqt konferenza li saret il-ġimgħa li għaddiet dwar il-Ġustizzja Soċjali u li ġiet organizzata mid-Deputat Nazzjonalista, Ivan Bartolo….Isabelle Bonnici spjegat kif pajjiżna se jibqa’ jara traġedja wara l-oħra jekk kollox se jibqa’ jintefa’ fuq l-ixkaffa.

“Meta sseħħ traġedja simili tkun ġurnata sewda dlam għalina u għal pajjiżna,” qalet Isabelle Bonnici. “U jiġi kkonfermat ukoll kemm is-settur għandu bżonn jiġi investigat biex id-difetti li hemm fis-sistema dgħajfa jiġu indirizzati. Ma jistax ikun li uliedna jibqgħu jmutu u jweġġgħu.”

Isabelle Bonnici spjegat kif ħajjitha inqalbet ta’ taħt fuq, tant li spiċċat tilfet dak li kien ħajjitha – Jean Paul Sofia.

“Filli kont qed ngħix ħajja serena nippjana x’se nagħmel ma’ Jean Paul, x’se nsajjarlu, x’se nixtrilu għall-Milied, u filli bħal sajjetta fil-bnazzi ħajtek tinqaleb ta’ taħt fuq għax il-futur tiegħi ma’ ibni ġġarraf darba għal dejjem,” qalet Isabelle Bonnici.

Quddiem dan kollu, Isabelle Bonnici fakkret kif mhux biss il-familji li tilfu lil xi ħadd qed ibatu min-nuqqas t’azzjonijiet mill-awtoritajiet iżda anke minħabba l-effett tas-settur tal-kostruzzjoni.

“Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk,” qalet Isabelle Bonnici. “Ma nistgħux neqirdu l-arja li nieħdu n-nifs minnha. Għax se nispiċċaw niġu f’punt li se nifgaw fil-flus li saru ‘l alla tagħna.”

Isabelle Bonnici kienet ilha xhur tistinka biex issir Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja li kienet seħħet f’Kordin. Iżda l-Gvern baqa’ jirreżisti, anke meta tressqet il-Mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista biex issir inkjesta.

Fil-fatt, il-Kap tal-PN Bernard Grech kien fuq quddiem nett biex imbotta għal din l-inkjesta. Filwaqt li Robert Abela u sħabu ivvutaw kontra – sakemm il-Prim Ministru kellu jċedi quddiem il-pressjoni pubblika.