Stanley Zammit, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlament li l-gvern qed jagħmel ftit wisq wara li għarraq is-sitwazzjoni fl-ambjent.
Hu qal li wara li bl-iżvilupp sfrenat, inkluż f’Għawdex, għarraq il-karattru tal-irħula u l-ibliet fejn dawn ma baqgħux jingħarfu u saru ċappa waħda ta’ bini, il-gvern issa jrid irejjaqna kemm kemm billi se jimponi l-użu tal-ġebla tal-franka f’Għawdex.
Stħarriġ tal-Gozo Tourism Association tal-2022 wera li l-istabilimenti kollha qalu li Għawdex qed jitlef il-karratteristiċi tiegħu minabba l-iżvilupp żejjed fil-gżira. Għaddew kważi sentejn u s-sitwazzjoni tħalliet titgħarraq.
Issa, wara li s-sitwazzjoni hija tant mgħarrqa li postijiet bħal Marsalforn u x-Xlendi tkerrħu bil-permessi bla ebda pjan u estetika li ħarġet l-Awtorità suppost tal-ippjanar, qed naħsbu li l-faċċati bil-franka se jsalvaw is-sitwazzjoni.
Wara snin tnaqqar miż-żoni fejn mhux suppost isir żvilupp u tgħarraq l-ODZ b’policies li illum saru ċ-ċajta ta’ kulħadd, issa l-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda kemm kemm trajjaqna bi ftit biċċiet ta’ spazji miftuħa.
Hu qal li f’dan iċ-ċokon ta’ pajjiż, fejn hawn żewġ sulari għoljin 13.5m u fejn hawn żewġ sulari għoljin 11.4m. Fejn hawn sular għoli 9.8m u fejn 2.2m aktar baxx. Il-gvern kompla jgħarraq is-sitwazzjoni għal min qed joħlom li jixtri saqaf fuq rasu u kompla jrejjaq lil min diġà mżoqqi sew!
Hu qal li għad hawn stennija għall-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp; għadna nistennew ir-rural policy u l-urban policy. Għadna nistennew il-policy dwar l-estetika u l-building codes.
Hu tkellem dwar l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia u qal li minn dak li ħareġ mix-xhieda f’din l-inkjesta bdejna nifhmu dak li ried jaħbi l-gvern Laburista. Il-gvern ried jaħbi dak li ċ-chairman tal-bord tal-inkjesta sejjah bħala “wild west” u dak illi l-President tal-Kamra tal-Periti ddeskriva bħala sistema ħażina mill-bidu sal-aħħar. Ried jaħbi dak li l-gvern għarraq b’sistema fejn jew ir-responsabiltajiet mhumiex ċari jew ħadd mhu responsabbli ta’ xejn.
Il-Prim Ministru ried jara kif se jrejjaqna u malajr malajr ħareg bis-sistema nofs sajran tal-licenzjar tal-kuntratturi wara li l-Partit Nazzjonalista u l-istakeholders konna ilna nitkellmu fuqha snin u wara, li kif ħareg mill-istess inkjesta, id-draft tagħha kien ilu fil-kexxun tiegħu sa minn qabel l-elezzjoni.
Tant dan il-licenzjar huwa nofs kedda li l-ministru, li nbidel bejn il-bidu u t-tmiem tal-inkjesta, diġà beda jirranġa fih u implimenta parti minn dak illi l-Oppożizzjoni issuġġerriet fl-emendi tagħha fejn jirrigwardja l-assigurazzjoni. Hu qal li ma jistgħux jiġu ripettuti l-iżbalji li ġraw matul is-snin fejn ir-rakkomandazzjonijiet jitħallew fuq l-ixkaffa.
Din is-sitwazzjoni mgħarrqa hija riżultat tat-tnikkir u s-suppervja tal-Gvern Laburista. Il-pajjiż la jaffordja u wisq anqas se jaċċetta li jiġri bħal fil-każ tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu wara t-traġedja ta’ Miriam Pace. Ma jistax ikun jgħaddu is-snin u r-rakomandazzjonijiet ikunu għadhom ma ġewx
implimentati kollha. Il-Gvern għandu janalizza bis-serjetà u bl-akbar responsabilità in-nuqqasijiet tas-sistemi spezzati u sparpaljati li għandna fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Wasal iż-żmien li pajjiżna jagħmel il-pass kuraġġuż u ma jibqax iqis l-iżvilupp bħala attività li trid issir akkost ta’ kollox inkluz hajjet in-nies. Irridu żvilupp li huwa verament sostenibbli u li jikkumplimenta l-viżjoni tagħna tal-protezzjoni tal-ambjent, il-miri tal-klima u l-ħolqien tal-ispazji pubbliċi miftuħa fiċ-ċentri urbani. Dan jeħtieġ bidla fl-attitudni, inkluz dik tal-Gvern.
Bħala Oppożizzjoni mhux biss se nkomplu naħdmu biex nipproteġu ż-żoni ODZ biż-żewġ terzi fil-parlament, imma ukoll aħna favur diskriminazzjoni pożittiva mal-iżvilupp li jkun qed jiġi propost fuq art diġà mibnija, billi dan jitqies bħala proġett ta’ konservazzjoni, riġenerazzjoni, retro-fitting jew bini mill-ġdid li jtejjeb l-estetika tal-lokalità, skond scorecard li telenka kif qed jitħaddnu l-prinċipji tal-ESG.
Kull regolamentazjoni għandha tkun ippjanata tajjeb, tgħolli l-istandards u ttejjeb il-governanza.
Kommessi li nibqgħu naħdmu għal riformi konsistenti u gradwali bħala parti minn pjan ħolistiku fejn permezz tal-implimentazzjoni effettiva, u mhux bil-lapazzar u bl-iskossi, tiġi mmodernizzata l-industrija tal-kostruzzjoni, titnissel il-fiduċja tal-pajjiż fl-istess industrija, jitnaqqsu l-ispejjeż, jkollna serħan tal-moħħ, ma jitgħarqux l-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja aħjar u jitrejjaq kulħadd, sostna Stanley Zammit.