Lokali

‘Il-Liġi ta’ Daphne’ ssir realtà – il-PE jivvota favur direttiva kontra l-iSLAPP

Il-Parlament Ewropew ivvota favur id-direttiva proposta biex tipproteġi lill-ġurnalisti u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti ċivili abbużivi, magħrufa bħala kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs). 87.5% tal-MEPs ivvutaw favur din id-direttiva.

L-għan tad-direttiva huwa li tippermetti lill-imħallfin jidentifikaw każi li huma SLAPPs u jordnaw it-twaqqif tal-proċeduri, u b’hekk ġurnalisti jew attivisti jinħelsu milli jkollhom jiddefendu lilhom infushom fi proċeduri maħsuba biex jniżżluhom għarkuptejhom finanzjarjament, bil-ħsieb malinn li jbeżżgħhom.

L-Istati Membri tal-UE għandhom sentejn biex jimplimentaw id-direttiva, jiġifieri sal-2026.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li bħala MEP Maltija kienet ġiet fdata bit-tfassil tar-rapport ta’ inizjattiva, u li kien ippreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fl-2021, qalet li ““Ninsab kburija ħafna b’dak li ksibna. Direttiva b’saħħitha kontra l-iSLAPP li toffri ħajt ta’ kenn lill-ġurnalisti u l-attivisti meta jisfaw vittmi ta’ theddid u fastidju lejl u nhar talli jagħmlu xogħolhom, li m’għandhom imkien ieħor fejn iduru.

Qabel il-qtil tagħha, Daphne Caruana Galizia kienet qed tiffaċċja aktar minn 40 kawża.

Kienet fil-mira għax kienet theddida. Wegħedna din il-liġi lill-familja tagħha, lill-ġenituri tagħha u lil ħutha. Ħdimna ħafna għaliha. Aħna wettaqna dak li wegħdna.

Illum irrid nirringrazzja lil dawk kollha li kienu parti minn dan il-vjaġġ: ulied Daphne Caruana Galizia, avukati u esperti, ġurnalisti, organizzazzjonijiet tal-libertà tal-midja, lis-soċjetà ċivili u fl-aħħar mill-aħħar, lill-MEPs li appoġġjaw il-kawża tagħna mill-bidu nett.

“Daphne, Rose, din għalikom.”