Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-vot mill-Parlament Ewropew favur id-Direttiva proposta biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti ċivili abbużivi, magħrufa bħala kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs). 87.5% tal-MEPs ivvutaw favur din id-Direttiva.
L-għan tad-Direttiva hu li tippermetti lill-Imħallfin jidentifikaw każi li huma SLAPPs u jordnaw it-twaqqif tal-proċeduri u b’hekk, ġurnalisti jew attivisti jinħelsu milli jkollhom jiddefendu lilhom infushom fi proċeduri maħsuba biex jirristrenġuhom u anke jkun hemm impatt negattiv fuq il-qagħda finanzjarja tagħhom.
B’messaġġ fuq il-media soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’Malta u fl-istituzzjonijiet Ewropej wasslet għal din il-kisba. Hu tenna li l-ħidma sfieqa tal-MEPs Nazzjonalisti kienet strumentali biex illum rebaħ il-ġurnalist u rebħet id-demokrazija.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u David Casa tal-isforzi kbar fil-Parlament Ewropew, li bdew sitt snin ilu, lura fl-2018, biex tidħol fis-seħħ din il-liġi magħrufa wkoll bħala l-Liġi ta’ Daphne.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern Malti biex ma jdewwimx it-traspożizzjoni u biex jirtira l-kawżi SLAPP tiegħu stess kontra djar tal-media Maltin, bħal dawk relatati mal-ġlieda kontra t-talbiet tal-libertà tal-informazzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jappella għal liġijiet u protezzjoni aktar b’saħħithom għal dawk li jiżvelaw u jfittxu l-verità.
//= $special ?>