“Il-Partit Nazzjonalista kien strumentali għal kisbiet ta’ ħarsien ambjentali u għal pjan ta’ żvilupp b’sostenibbiltà f’Santa Luċija.”
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien akkumpanjat minn martu AnneMarie fil-Każin tal-PN f’Santa Luċija f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif ta’ dan il-każin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ wkoll il-fatt kemm hu kruċjali li dawk li jħobbu l-lokalità jfittxu l-interess waħdieni tal-lokalità u li l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista f’kull ambitu se tisskota fuq il-prinċipji li jħaddnu l-interessi tar-residenti u tal-lokalità.
Bernard Grech spjega kif il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-ħidma fil-lokalitajiet. Dan wara li l-Gvern ta’ Robert Abela naqqar mis-saħħa tal-Kunsilli Lokali matul dawn l-aħħar snin; tnaqqir li pajjiżna ra r-riperkussjonijiet tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jispjega l-importanza li l-kunsilli lokali jerġgħu jieħdu lura s-saħħa li xi darba kellhom.
Bernard Grech enfasizza wkoll l-importanza illi l-politika ssir bid-djalogu man-nies, sabiex ikun mifhum il-bżonnijiet li jeħtieġu l-lokalitajiet ta’ pajjiżna.
Dan filwaqt li appella sabiex kull persuna li għandha d-dritt tal-vot, toħroġ tivvota fl-elezzjoni fit-8 ta’ Ġunju li ġej – appuntament elettorali, li huwa important ferm għall-poplu Malti u Għawdxi.
Fi tmiem l-attività nkixfet plakka għall-okkażjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u l-President tal-Kumitat Sezzjonali Partit Nazzjonalista ta’ Santa Luċija, Liam Sciberras.
Preżenti għal din l-attività kien hemm fost l-oħrajn l-eks Prim Ministru, Lawrence Gonzi, il-Viċi Kap tal-PN, Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, deputati Nazzjonalisti, Kunsilliera u membri tal-Kumitat, u kandidati għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

