Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għal raġel li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa, liema persuna mill-ewwel indikazzjonijiet skont ix-xhieda huwa Malti, wara li allegatament ħebb għal mara fil-Marsa.
L-allegat każ seħħ għall-ħabta tal-14:45 fi Triq Patri Magri bil-vittma tirrapporta mal-Pulizija li qalgħet daqqa ta’ ponn mingħand raġel Malti u li m’għandhiex idea tiegħu – li sussegwentament ħarab minn fuq il-post.
Filwaqt li hija providet deskrizzjoni lill-Pulizija ta’ x’kien liebes l-allegat agressur u saħqet li jidher li kellu bjen il-50 u s-60 sena….ma setgħetx tipprovdi aktar informazzjoni.
Hija ġiet ċertifikata li ġarbet ġrieħi ħfief wara li ngħatat il-kura fl-eqreb ċentru tas-saħħa.
Madanakollu permezz ta’ post fuq Facebook li għamlet aktar tard hija spjegat li r-raġel ħebb għaliha wara li binha, li jsofri minn kundizzjoni tal-awtiżmu spiċċa laqtu.
Hija kitbet li r-raġel offenda lilha u lil binha u spiċċa wkoll iħebb għaliha. Dan filwaqt li kien biss grazzi għall-intervent f’waqtu ta’ 3 persuni barranin li r-raġel waqaf u ħarab minn fuq il-post.
Intant il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjoni meħtieġa. Kull min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ għandu jinforma lill-Pulizija mill-aktar fis, anke b’mod anonimu.
//= $special ?>