Lokali

“Il-PBS qed ikompli jsegwi l-leħen politiku ta’ sidu” – Times of Malta

Il-Konferenza dwar il-ġustizzja soċjali organizzata mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo hija verament ta’ min wieħed ifaħħar, tant li għandha tiġi introdotta fix-xogħol parlamentari b’mod regolari.

Sostna dan l-editur tal-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tat-Tlieta illi faħħar din l-inizjattiva tant importanti li ttieħdet minn Ivan Bartolo u mit-team tal-PN.

L-editorjal stqarr illi l-President George Vella ma rnexxilux f’dawn il-ħames snin ilaqqa’ konvenzjoni kostituzzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ ċittadini hekk imsejħa komuni – iżda Ivan Bartolo irnexxielu, flimkien mat-tim tiegħu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista illi organizzaw din il-Konferenza fil-Parlament fejn instemgħu l-weġgħat tan-nies; rakkuntati minnhom stess.

Fost diversi temi, ġew indirizzati sfidi relatati mal-housing, u l-esperjenzi ta’ oħrajn li saħansitra m’għandhomx saqaf fuq rashom. Issemmew ukoll l-isfidi qawwija tal-faqar u l-għoli tal-ħajja.

L-editur faħħar lil Ivan Bartolo, illi minkejja li organizza hu din il-Konferenza, għażel li ma jindirizzax lil dawk preżenti – iżda minflok osserva, sema’ u bla ebda dubju issa se jkun qed iħejji biex jieħu azzjoni skont il-bżonn.

Dan filwaqt li esprima d-dispjaċir tiegħu li x-Xandir tal-Istat għażel li jkompli jsegwi l-prassi deskritta mill-editur bħala l-leħen politiku ta’ Sidu…u evita kull ċans ta’ mistħija għall-Gvern. Tant li fl-aħbarijiet tal-PBS irrappurtaw biss x’qalu l-politiċi u r-rappreżentanti tal-entitajiet preżenti.

B’eċċezzjoni ta’ Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia….iċ-ċittadini l-oħrajn…bħal Ramona Vassallo – mara li tgħix barra u m’għandhiex saqaf fuq rasha….ma ġewx irrapportati.

Fl-editorjal intqal li din l-inizjattiva għandha tikber u mhux tisfuma fix-xejn – hekk kif filwaqt li l-ekonomija qed tissaħħaħ….aktar u aktar nies qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi kbar, fosthom il-faqar.

L-editur insista li kliem fieragħ biss mhux biżżejjed iżda hemm bżonn ta’ azzjoni serja u f’waqta – mingħajr partiġġjaniżmu u diskorsi bombastiċi. Għaliex kif qalet it-Times, hemm ħafna persuni li jum wara l-ieħor qed ikomplu jsofru fis-silenzju.