Lokali Parlament

Jeħtieġ garanziji lir-residenti dwar proġett f’San Ġwann


Albert Buttigieg, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-parlament li l-komunità ta’ San Ġwann għandha bżonn garanziji fuq diversi aspetti dwar il-proġett li se jsir f’Misraħ Lewża.


Albert Buttigieg staqsa għaliex l-applikazzjoni mhijiex sħiħa u qed titressaq f’biċċiet. Dan isir meta l-applikant ikun qed jaħbi. Għalhekk iċ-ċittadini għandhom dritt ikunu jafu l-proġett kollu fid-dettall.


Hu spjega li f’dan il-proġett se jkun hemm skavar ta’ tliet sulari biex isir parkeġġ taħt l-art. Ir-residenti qed jitolbu li jkun hemm rapport ġeoloġiku biex ikun assigruat li l-blat jiflaħ il-vibrazzjonijiet u l-iskavar għaliex dan se jsir viċin ir-residenzi. Dan ir-rapport għandu jsir qabel jibda l-proġett biex ir-residenti jkunu ċerti li m’hemmx perikli.


Hu qal li minħabba li d-djar li hemm fiż-żona huma tal-Awtorià tad-Djar, din għandha tassigura li l-pedamenti tal-binjiet li hemm huma b’saħħithom biżżejjed. Dan għandu jkun garatiti qabel jibdew ix-xogħlijiet.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-applikazzjoni għandha tkun ikkunsidrata fil-kuntest ta’ skavar li se jsir ‘l isfel. Hu kompla li għandu jsir rapport dwar l-impatt tat-traffiku fuq it-toroq minn fejn dawn se jidħlu u joħorġu l-karozzi fil-parkeġġ li se jinbena.


Jeħtieġ ikun speċifiakt jekk il-parkeġġ hux se jibqa’ bla ħlas l-ħin kollu matul il-ġimgħa. F’Misraħ Lwġa hemm shelters tal-gwerra u għalhekk għadu jkun assigurat li dawn ikunu protetti. Għandu jkun speċifikat ukoll meta jitlesta l-proġett u għandu jkun hemm kjarezza jekk ir-residenti hux se jinħarġu minn djahrom waqt li jkun qed isir il-proġett.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN jaqbel fil-prinċipju ma’ dan il-proġett iżda dawn il-punti jeħtieġ ikunu trattati.