Lokali Parlament

Jeħtieġ investiment fil-prevenzjoni quddiem problema dejjem tikber tad-droga


Stephen Spiteri, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna fil-parlament li l-pajjiż għandu bżonn investiment fil-prevenzjoni quddiem problema dejjem tikber tad-droga.


Stephen Spiteri qal r-rapport tan-National Drug Situation in Malta stabilixxa li hawn żieda sostanzjali ta’ emerġenzi ta’ droga. Fil-kannabis kien hemm eba’ darbiet iktar pazjenti li daħlu l-Emerġenza bejn l-2021 u l-2022. Fl-1997 kien hemm 41 każ ta’ emerġenza ta’ kannabis li telgħu għal 431 każ fl-2022. Fl-użu ġenerali u totali ta’ droga kien hemm 513-il każ fl-2021 u 1072 każ fl-1072.


Dan juri li l-użu tad-droga qed jiżdied u għalhekk hemm iktar ammissjonijiet fl-Emerġenza u fl-isptarijiet. Dawn mhumiex numri reali għaliex hemm ħafna persuni li jkollhom problemi ta’ droga u jattendu sptarijiet privati u b’hekk ma jkunux reġistrati. Hemm ukoll numru sew ta’ każi ta’ persuni li jibżgħu jmorru għall-kura minkejja li jkunu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Din is-sitwazzjoni wasslet biex kien hemm erba’ każi ta’ overdose fl-2022.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun protetta u żied li l-akbar tnaqqis ta’ ħsara fisisoċjetà jitwettaq meta jkun hemm prevenzjoni mill-użu tad-droga.


Hu semma’ ċ-ċentru l-ġdid li jilqa’ individwi b’rapporti ta’ vjolenza domestika fejn ukoll hemm sitwazzjoni diffiċli minħabba li ħafna każi kienu relatati ma’ abbuż ta’ droga.


Stephen Spiteri kompla li filwaqt li qed issir kampanja kontra l-użu tat-tabakk, il-gvern qed jippromwovi l-użu laxk tal-kannabis. Din hi kontradizzjoni kbira.


Fl-Isptar Monte Carmeli hemm 264 pazjent b’konnessjoni ma’ teħid ta’ droga li 55 minnhom huma minħabba kundizzjoni mas-saħħa mentali marbuta mat-teħid tad-droga. Dan ifisser li 20% tal-popolazzjoni ta’ Monte Carmeli huma żgħażagħ bi problemi ta’ drogi.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu jara kif jevita komplikazzjonijiet u appella biex fl-iskejjel isiru programmi ta’ edukazzjoni dwar il-perikli mit-teħid tad-droga.