Basketball Sport

Knock-out Mapfre MSV Life Nisa: Rebħa faċli tpoġġi lil Depiro fis-semi-finali

Colin Schembri

Fl-uniku partita mill-kwarti tal-finali tan-Knock-out tan-nisa, Depiro għelbu lil Hibernians biex fis-semi-finali tas-Sibt li ġej jiltaqgħu kontra Starlites JSD. Is-semi-finali l-oħra, Caffè Moak Luxol għandhom sieq waħda fil-finali tal-10 ta’ Marzu meta jaffrontaw lil Fusion Quest.

Hibernians…..42

Depiro…………85

(13-19)(9-21)(14-22)(6-23)

Se jkunu Depiro li se jilgħabu kontra Starlites JSD fis-semi-finali tal-Mapfre MSV Life Knock-out wara li għelbu lil Hibernians 85-42. Depiro li kellhom nieqsa lil Julia Borg, kienu fil-kontroll tul il-partita kollha u b’mod partikolari kienu dominanti taħt il-boards fejn ħadu 63 rebound kontra il-35 tal-Hibs. L-Amerikana Jose Ann Johnson kellha wirja posittiva bi 22 rebound u 22 punt fil-waqt li għal Hibs kien hemm 25 punt għal Lyndsey Whilby li rebħet l-unur tal-player tax-xahar ta’ Jannar. Depiro bdew il-partita b’seba’ punti mingħajr risposta minn Johnson, Claire Ciantar u Kristy Galea. L-ewwel punti ta’ Hibs ġew minn Whilby u sas-seba’ minuta naqqsu d-distakk għal basket 9-11. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Sophie Abela flimkien ma’ Galea u Johnson u temmew il-perjodu 19-13 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Hibs kellhom trippla minn Kaya Calleja però Depiro għaqqdu run ta’ 9-0 fosthom bi trippla ta’ Nicole Agius flimien ma’ Johnson u Abela. Hibs waqqfuhom b’baskets ta’ Iona Agius u Maya Vella però Depiro daħlu jistrieħu 40-22 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Depiro bdew bi break ieħor ta’ 16-2 bil-punti ta’ Galea, Ciantar, Abela u Leanne Sciberras biex kabbru l-vantaġġ għal 32 punt 56-24. Hibs irkupraw xi ftit bi tlett baskets konsekuttivi u komplew b’żewġ baskets ta’ Whilby qabel ma Agius għamlet trippla oħra għal Depiro għal skor ta’ 62-36. Fl-aħħar taqsima ftit kien għad fadal storja hekk kif Depiro kellhom aktar trippli minn Galea u Agius hekk kif l-ewwel basket ta’ Hibs wasal biss fit-tmien minuta. Kien hemm spazju għal players ta’ fuq il-bank taż-żewġ timijiet fejn fost l-oħrajn kien hemm il-punti ta’ Mariah Micallef u Jasmine Mallia għal Depiro u Britney Agius għal Hibs hekk kif Depiro ħarġu rebbieħa 85-42.

Hibernians: M. Buhagiar, F.Fabok 2, I. Agius 4, L. Whilby 25, J. Abela 2, B. Agius 2, K. Calleja 3, M. Vella 2, J. Gauci, A. Mallia, J. Dabic 2.

Depiro: S. Abela 8, Ni. Agius 11, J. Xerri 8, J. Mallia 2, L. Sciberras 4, No. Agius 3, C. Ciantar 10, J. Johnson 22, M. Micallef 2, N. Borg, K. Galea 15.

Referees: Nicky Azzopardi, Nelson Da Silva.