Darren Carabott, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Darren carabott qal fil-parlament li l-investiment fil-Forzi Armati Maltin hu meħtieġ u li dan ma jfissirx gwerra.
Darren Carabott tkellem fuq il-biża’ li jħossu l-anzjani anki fi djarhom minħabba nuqqas ta’ sigurtà u appella biex l-awtoritajiet jikkunsidraw dak li qed iseħħ fil-komunitajiet.
Hu qal li fl-aħħar ħames snin, ir-rapporti ta’ vjolenza domestika splodew u spjega kif erba’ mill-ħames lokalitajiet fejn kien hemm reati kriminali baqgħu l-istess. Dawn il-lokalitajiet huma l-Floriana, il-Belt Valletta, San Ġiljan u l-Marsa. Dan ifisser li hemm nuqqas ta’ infurzar u nuqqas ta’ allokazzjoni biex dawn ir-reati jonqsu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li llum hemm problemi ta’ sigurtà fid-djar Maltin u żied li fl-2013 kien hemm ħafna iktar pulizija komparati man-numru ta’ persuni li jgħixu f’Malta. Dan ifisser li l-pajjiż ma mexiex ‘il quddiem fin-numru meħtieġ ta’ pulizija fil-Korp tal-Pulizija.
Darren Carabott appella biex ir-rispett lejn il-pulizija jikber u biex tiddaħħal l-ordni; dan jiddaħħal u jikber billi jkun hemm is-serħan il-moħħ taċ-ċittadini quddiem ir-reati tal-kriminalità. Hu qal li qed ikun hemm wisq dewmien fil-qrati quddiem il-kawża tal-vjolenza domestika.
Hemm problemi fl-allokazzjoni tar-riżorsi li jridu jlaħħaq man-notifiki bil-konsegwenza li diversi kawżi qed ikunu preskritti. F’diversi każi l-pulizija jridu jlaħħaq ma’ numru kbir ta’ kawżi waqt li d-difiża tkun qed tiffoka fuq kawżi limitati.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza ta’ investiment fil-Forzi Armati Maltin u qal li dan hu importanti fil-ħidma tal-korpi dixxiplinati. Dan l-investiment ma jfissirx gwerra, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Hu tkellem dwar in-nuqqas ta’ passi kontra min wettaq reati kriminali kbar u kompla li jeħtieġ li jkun hemm trasparenza fis-sigurtà biex ikun stabbilit min jidħol u min joħroġ mill-pajjiż.