Lokali

Pageant ‘Mit-Telfien għall-Kisba’ fir-raħal pittoresk ta’ Ħad-Dingli

L-Għaqda Mużikali Santa Marija f’Ħad-Dingli se tkun qed ittella’ Pageant madwar it-toroq tar-raħal bit-tema ‘Mit-Telfien għall-Kisba’ fuq kitba u direzzjoni ta’ Diego Attard, bil-parteċipazzjoni ta’ iktar minn 100 personaġġ bibliku akkumpanjanti mill-Banda Santa Marija tal-istess Għaqda, flimkien mal-gruppi tal-Iscouts u n-19th Girl Guides ta’ Ħad-Dingli,

Il-Banda Santa Marija għandha repertorju ta’ marċi funebri kemm ta’ surmastrijiet Maltin u anke dawk barranin, fejn permezz ta’ dawn il-marċi se tinħoloq atmosfera li tkompli tikkumplimenta dawn il-mumenti.

Fil-5pm jibda r-‘Roman March’ miċ-Ċentru Parrokkjali fi Triq il-Knisja sas-Sede tas-Soċjetà. Wara jibdew ħerġin il-personaġġi bibliċi l-oħra. Lejn l-aħħar parti tal-mixja fi Triq il-Parroċċa jibda d-dramm b’diversi xeni mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu, fosthom l-agunija fl-Ort tal-Ġetsemani, Ġesù quddiem Pilatu, il-kundanna tal-mewt u jitgħabba bis-salib. Dan kollu jwassal sa Misraħ Frenċ Abela fejn jintlaħaq il-qofol ta’ dan id-dramm bit-tisliba u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-messaġġ ta’ dan id-dramm huwa wieħed ta’ tama li lkoll għad niksbu l-Ħajja ta’ Dejjem, billi pass pass ma’ Ġesù fit-tbatija nassistu din il-mixja li mid-dlam twassal għad-dawl, mit-Telfien għall-Kisba.

Il-Pageant se ssir is-Sibt 23 ta’ Marzu, lejliet Ħadd il-Palm, bi tħejjija għall-Ġimgħa Mqaddsa li twassalna sal-Għid il-Kbir.