Lokali

TVM jaħbi li Metsola ġiet klassifikata bħala l-aktar MEP influwenti

L-aħbar li Roberta Metsola ġiet klassifikata bħala l-aqwa MEP ta’ dawn l-aħħar ħames snin ġiet irrapurtata bi prominenza minn bosta siti tal-aħbarijiet. Madanakollu, x-xandir pubbliku TVM prova jqarraq bis-segwaċi tiegħu bil-ħsieb li jnaqqas mir-riżultat eċċellenti miksub mill-MEP Maltija li għamlet ġieħ għal darb’oħra lil Malta u Għawdex.

Bit-titlu ‘Metsola u Agius Saliba fost l-aktar 100 MEP influwenti’, is-sit elettroniku tal-istazzjon nazzjonali pprova jagħti l-impressjoni li Roberta Metsola u l-MEP Laburista kienu fuq l-istess keffa. Iżda filwaqt li Metsola kisbet marka straordinarja ta’ 100% u ġiet klassifikata fl-ewwel post fost s-705 MEPs, d-deputat Laburista spiċċa f’nofs il-klassifika, u saħansitra niżel 11-il post meta kkumparat mas-sena l-oħra.

Fl-aħbarijiet ta’ filgħaxija, l-istazzjon nazzjonali uża titlu ġeneriku, ‘l-Indiċi tal-Membri Parlamentari Ewropej’ b’ritratt ta’ Metsola maġenb l-MEP mill-grupp tas-soċjalisti. Dan minkejja li l-marka li kiseb l-MEP Laburista kienet ta’ 47.62% – inqas minn nofs il-marki li kisbet Metsola.

Din l-aħbar tkompli mas-sensiela ta’ qerq li qed jipprova jwettaq l-istazzjon nazzjonali. Fl-aħħar jiem inkixef l-iżbilanċ fl-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali favur il-Gvern.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kellu smiegħ quddiem l-Awtorità tax-Xandir, fejn ippreżentaw 11-il ilment biex jiddiskutu u jagħmlu argumenti rigward l-iżbilanċ kontinwu fuq ix-Xandir Pubbliku.