Lokali

“Għal darb’oħra l-Istat Malti ġie misjub li huwa responsabbli ta’ mewt” – Repubblika

Fi stqarrija Repubblika qalu li l-Istat Malti għal darb’oħra ġie misjub li huwa responsabbli ta’ mewt, din id-darba taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Dan wara li sentejn u nofs ilu l-istess Stat Malti instab responsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport tal-inkjesta pubblika illum jgħid ċar u tond li “xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ r-responsabbilità” għall-“iżbalji ħoxnin”.

Repubblika temmen li l-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu morali li jiżgura li min hu responsabbli jġorr ir-responsabilità ta’ għemilu jew talli naqas li jwettaq dmiru. Jekk Robert Abela ma jagħmilx hekk ifisser li hu qed jieħu fuqu r-responsabilità għall dawn l-“iżbalji ħoxnin”.

Republikka żiedu jgħidu li l-Istat mhux xi ħaġa vojta. L-Istat huwa magħmul minn persuni li ingħataw inkarigu u li qed jitħallsu tajjeb għalih. L-istat huwa persuni li għandhom isem u kunjom u li fl-aħħar mill-aħħar, Il-Prim Ministru iġorr ir-responsabilità jekk huma ma jerfgħuhiex.

Repubblika tistenna azzjoni fuq dak li sabet din l-inkjesta. 

Repubblika għadha tistenna azzjoni fuq dak li sabet l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Repubblika mhix se tieqaf fl-impenn tagħha, ikaxkar kemm ikaxkar saqajh il-Gvern.