Lokali

“Għandna konferma għaliex Robert Abela ma riedx inkjesta pubblika” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Ritratt: Martin Agius
Il-Gvern għandu jerfa' responsabbiltà wara t-traġedja ta' Jean Paul Sofia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia tgħid ċar li l-Istat, il-Gvern, għandu jerfa’ responsabbiltà tal-iżbalji ħoxnin li saru. (f’paġna 405 tal-Inkjesta).

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li issa nafu għaliex id-deputati tal-vvern ivvotaw kontra li ssir inkjesta pubblika f’Lulju li għadda, kif ukoll li l-gvern irid jerfa’ responsabbiltà ta’ dak li skont l-inkjesta pubblika stess, ikkontribwixxa għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

L-inkjesta pubblika tikkonferma l-bżonn ta’ inkjesta separata mill-Inkjesta Maġisterjali, fejn il-Bord qal li l-inkjesta pubblika kienet kumplimentari u li minnha ħarġu fatti li ma setgħu qatt joħorġu minn Inkjesta Maġisterjali.

Dan kollu jikkonferma kemm l-insistenza tal-Partit Nazzjonalista, flimkien mal-qraba ta’ Jean Paul Sofia kienet waħda valida għall-aħħar. Jikkonferma wkoll kemm il-vot tal-Gvern Laburista kontra l-mozzjoni fil-parlament mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mill-Partit Nazzjonalista biex issir inkjesta pubblika kienet deċiżjoni żbaljata.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li minbarra li tinġarr ir-responsabbiltà, ir-rakkomandazzjonijiet kollha li ħarġu mill-Inkjesta Maġisterjali għandhom ikunu implimentati immedjatament. Jekk il-Gvern ma jagħmilx dan, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jieħu l-miżuri kollha biex dan iseħħ immedjatament.