Lokali Parlament

Il-gvern għandu jaġixxi b’mod immedjat wara l-inkjesta dwar Jean Paul Sofia


Stanley Zammit, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal fil-parlament li l-gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà dwar l-mewt ta’ Jean Paul Sofia u jaġixxi b’mod immedjat biex jitwettqu diversi riformi.


Hu qal li 19-il persuna tilfu ħajjithom bejn l-2019 u l-2021, 17 minnhom fil-kostruzzjoni. Madwar 90 persuna tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol f’dawn l-aħħar snin, fosthom żgħażagħ oħra bħal Matthew Bartolo. Fl-2004 Mary Zarb u Nadya Vavilova mietu meta l-appartament li kienu fih ikrolla minħabba x-xogħlijiet li kienu qed isiru biswietu. Fl-2020 Miriam Pace, intradmet ħajja f’borġ ġebel ta’ darha stess. Fl-2022 Jean Paul Sofia instab mejjet wara qalb il-brikks u l-konkos. Kien hemm każi oħra fejn persuni u familji li ħelsuha bl-ezatt.


Kienet biss is-supervja tal-Prim Ministru u tal-gvern li jżommhom milli jieħdu il-miżuri tant meħtieġa biex traġedji bhal ta’ Jean Paul Sofia jiġu evitati?


Kienet biss is-suppervja tal-Prim Ministru u l-gvern l-unika raġuni għaliex il-gvern irreżista tant li jagħmel eżerċizzju ta’ analiżi serja u trasparenti ta’ dak kollu li seta’ wasal għal inċidenti passati fosthom dak tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia permezz ta’ inkjesta pubblika?


Hu qal li d-dritt għall-ħajja huwa dritt protett fil-Kostituzzjoni taMalta. L-Istat għandu l-obbligu li jieħu l-miżuri kollha biex jissalvagwardja l-ħajja ta’ kull persuna f’pajjiżna billi jara li jkun hemm fis-seħħ qafas regolatorju adegwat u jittieħdu il-miżuri operazzjonali preventivi kollha biex jipproteġu ħajjiet li jistgħu jkunu f’riskju.

Huwa propju għalhekk li din l-inkjesta qed tikkundanna bl-aktar mod ċar lil Gvern għax naqas u qed jonqos milli jissavagwardja l-ħajja tan-nies u din l-inkjesta qed telenka dan kollu. L-Oppożizzjoni, għax verament nemmnu fit-trasparenza, fil-kontabilità u fil-governanza tajba insistejna li l-gvern jaħtar dan il-Bord ta’ Inkjesta biex jiġu determinati d-djufijiet fis-sistemi spezzati u sparpaljati maħluqa matul dawn l-aħħar 11-il sena. Insistejna fuq inkjesta pubblika għaliex din tmur ‘l hinn minn dik maġisterjali.

Illum ghandna ir-rizultat ta’ dan. L-inkjesta indirizzat is-suppervja tal-gvern u qalet: 'Għal min ma jridx jifhem, klassifikazzjoni ċertament ma tfissirx li kulħadd kapaċi jagħmel kollox, imma ċertament tfisser li l-opportunitajiet tax-xogħol ikunu miżurati skont is-sengħa, il-kompetenza u t-taħriġ.'

Hu qal li l-PN ressaq emendi biex il-liċenzjar isir skont kriterji ċari li għandhom jinkludu ukoll iċ-ċertifikati ta’ compliance mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u l-VAT, kif ukoll validazzjoni minn JobPlus u d-DIER dwar il-permessi u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema biex, kif jghid ir-rapport ikun 'evitati kif del resto ġara u għadu qed jiġri anke llum li minħabba fatturi ta prezz jidħlu għalihom kuntratturi taprofessjonalità inferjuri bil-konsegwenza li proġetti ma jispiċċaw qatt, u barra minn hekk mingħajr ebda garanziji reali għall-ħaddiema.'

Din is-sistema għandha tkun sostnuta b’aġġornament kontinwu tal-Istandards Okkupazzjonali Nazzjonali (NOSs) u bil-ħruġ tal-Iskills Cards, li jirriflettu l-oqsma kollha tas-settur. Ir-rapport tal-inkjesta jagħti r-risposta: 'Id-dokument għandu jkun mandatorju ossia obbligatorju mhux volontarju kif hi s-sitwazzjoni fil-preżent, sitwazzjoni li llum ma tagħmel ebda sens għaliex il-persuni li llum għandhom skill card ta xi sengħa jirrappreżentaw biss fraction tat-total taeluf ta persuni li kien aċċertat li qegħdin jaħdmu fis-settur tal-bini u kostruzzjoni.’


Fil-method statement qed ikun irrakomandat li jigi applikat anke fil-każ tafree standing structures. Il-method statement għandu jkun jinkludi t-timeline tal-proġett biex proġett ma jieħux għad eternum! Għalhekk aħna ilna ngħidu lill-gvern biex jirrikonoxxi l-professjoni tal-Project Managers għaliex dawn huma n-nies li jaraw li proġett isir fil-budget allokat, fil-ħin u jkun ta’ kwalità.

Hu staqsa fejn huma l-building codes li ilhom ġejjin snin u jekk hux veru li dan il-vetting anonimu qed isir minn nies li għadhom qed jieħdu t-taħriġ tagħhom? Mingħajr dubbju l-vetting għandu jsir dejjem minn periti ta esperjenza u takompetenza u jkunu magħrufa, mhux minn persuni binqas kwalifiki jew minn persuni klerikali anke jekk taesperjenza tal-uffiċċju. Hu semma' s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u appella biex isir dak kollu li huwa meħtieġ fil-proċess li għaddej bħalissa. Għandu jkun aċċertat li fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni kulħadd ikun jaf xinhuma r-responsabilitajiet u ħadd ma jitħalla juża xi dispożizzjoni biex ifarfar fuq responsabilità tiegħu ħaddieħor.


Hu neċessarju li l-uffiċjal responsabli mis-saħħa u sigurtà jingħata protezzjoni fil-liġi u mgħandux ikun f’pożizzjoni li jibza’ li jitkeċċa għaliex jieħu azzjoni. Għandu jkollu s-sahha li jwaqqaf ix-xogħol anke jekk l-impjieg tiegħu jiġi mill-klijent. Huwa tal-waħx, imma hija realtà tisma' li s-sit fejn miet Jean Paul Sofia qatt ma kien spezzjonat minn ħadd u minn ebda awtorità. Irridu nibdew mill-fatt li m'għandu jkollna l-ebda post tax-xogħol li jaqa barra mis-sorveljanza u monitoraġġ tal-awtoritajiet.


Aktar minnhekk, dawk l-awtoritajiet li uffiċjali tagħhom xehdu fl-inkjesta wrew – kulħadd tiegħu – in-nuqqas fl-ispezzjonijiet. M’hemmx biżżejjed riżorsi umani u allura jsiru anqas spezzjonijiet.


Hu espriema tama li s-sagrifiċċju li għadda minnu Jean Paul u l-ġenituri tiegħu, ikunu verament il-bidu ġdid tal-industrija għaliex l-ispezzar, l-isparpaljar, it-torrijiet tal-avorju u r-repubbliki tal-awtoritajiet jagħmlu ħsara kbira. Il-gvern irid jirriversja kompletament din il-prattika li ma għamlet l-ebda gid! Il-gvern għandu jerfa’ ir-responsabilta’ u jwettaq ir-responsabilitajiet tiegħu minngħajr tnikkir, sostna Stanley Zammit.