Internazzjonali

Il-Gwerra f’Gaza: Iżrael jinsisti li l-ġlieda tiegħu hi ‘mat-terroristi u mhux maċ-ċivili

Mill-bidu tal-gwerra (fis-7 ta’ Ottubru) f’Gaza ‘il hawn, mietu ‘il fuq minn 30,000 – ċivili u terroristi Palestinjani – fl-artijiet ikkontrollati mill-Ħamas. Intant,, Daniel Hagari, il-kelliem għall-militar Iżraeljan, informa lill-Konferenza Dinjija għall-Emerġenzi tal-Organizzazzjoni Żijonista li l-Iżraeljani qegħdin jikkumbattu mat-terroristi u mhux mal-poplu ċivili f’Gaza.

Hagari insista li l-missjoni ewlenija ta’ pajjiżu tibqa’ li jaċċerta mill-ħelsien tal-ostaġġi li nħatfu f’Ottubru mill-Ħamas waqt ir-rejds storiċi tat-terroristi f’Iżrael. Dan ukoll meta l-Gvern Iżraeljan irid jaċċerta li ċ-ċittadini ta’ Gaza jeħilsu mit-terroristi fosthom  li qegħdin jużawhom bħala tarki waqt l-azzjonijiet militari.

Sadanittant, is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaza kompliet taqleb għall-agħar fost rapporti li l-isptar ta’ Al-Awda, fil-belt ta’ Jabalia, kellu jissospendi s-servizzi mediċi kollha b’kaġun tan-nuqqasijiet akuti ta’ fuel u provvisti.

Min-naħa tagħhom, grupp ta’ 55 ġurnalista internazzjonali kitbu ittra bil-miftuħ lill-Gvern Iżraeljan fejn qed iħeġġuh biex jippermettilhom li jidħlu fl-artijiet ta’ Gaza fejn ikunu jistgħu jirrappurtaw direttament dwar il-gwerra mis-siti proprja tal-konflitt.

L-ittra tgħid li l-ġurnalisti barranin ilhom miċħudin mill-aċċess lejn Gaza mindu żbruffat il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas. Intant, spikkat is-sejħa biex l-Iżraeljani u l-Eġittu, li wkoll jaqsam fruntiera ma’ Gaza, jippermettu lill-membri tal-media biex jidħlu ‘mingħajr xkiel’ fl-artijiet fejn għaddej il-ġlied kontinwu.

Sejħa oħra hi biex Iżrael jieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni tal-ġurnalisti lokali – li minnhom mietu 126 matul ix-xhur li ilha għaddejja l-gwerra ta’ Gaza.