Internazzjonali

Il-Jemen: Komplew l-attakki tal-Houthi — bi frejgata tal-Ġermanja fil-mira

Frejgata tal-qawwiet tal-baħar Ġermaniżi interċettat u kontrollat żewġ attakki diretti lejha mill-milizji tal-Houthi fil-Jemen u li ilhom ix-xhur iwettqu l-azzjonjiet ostili kontra l-vapuri kummerċjali li qed ibaħħru mill-viċinanzi.

Din hi l-ewwel darba li bastiment militari tal-Ġermanja spiċċa involut f’azzjoni ta’ difiża ‘il hinn mill-Jemen – u meta l-frejgata ‘Hessen’għandha l-inkarigu biex tipproteġi r-rotot marittimi fil-Baħar l-Aħmar bħala parti mill-missjoni tal-Unjoni Ewropea.

Intant, il-membri tal-ekwipaġġ tal-frejgata interċettaw numru mhux determinat ta’ drones waqt li ħadu l-miżuri difensivi u ta’ evażjoni —  u fost rapporti li l-frejgata ma ġarrbet l-ebda ħsarat.

Kien biss il-ġimgħa l-oħra li l-frejgata ‘Hessen’ issieħbet f’ Operation Aspides li qed tmexxi l-qawwa navali EUNAVFOR (tal-Unjoni Ewropea) bil-ħsieb li tħares kontra t-theddid u l-attakki tal-Houthi fuq il-bastimenti kummerċjali u t-tankers taż-żejt fil-Baħar l-Aħmar.

L-attakki, li ilhom min-Novembru, qed jaffettwaw direttament lill-kummerċ dinji – u bil-Houthi jinsistu li qegħdin jagħmlu dan b’solidarjetà mat-terroristi tal-Ħamas li qed jikkumbattu lill-militar ta’ Iżrael fl-artijiet ta’ Gaza.