L-Inkjesta Pubblika hija ċara kristall: “Jean Paul Sofia miet f’sit li ma kien ikkontrollat mill-ebda awtorità regolatorja. Saru żballji ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà għalihom. Dan għandu jkun l-Istat”.
Din hija waħda mill-ħafna konklużjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Pubblika dwar il-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia, bil-Bord li mexxa l-investigazzjoni jiddeskrivi din l-istorja bħala traġedja ta’ comedy of errors fejn kulħadd jimxi fuq il-binarju tiegħu “bla ma jrendi kont lejn ħadd”.
Din l-Inkjesta Pubblika hi l-istess waħda li Robert Abela għamel xhur jirreżisti. L-Inkjesta tmexxiet mill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, Charles Deguara u Mario Cassar.
Ħasla lill-awtoritajiet governattivi
Ir-rapport isib nuqqasijiet enormi fl-operat tal-Malta Enterprise u tal-aġenzija governattiva INDIS.
Dwar l-Awtorità tal-Ippjanar, ir-rapport jgħid illi din jeħtieġ issewwi is-sistemi tagħha. “Is-soluzzjoni hi li ssib tarf tad-dewmien fl-operat u mhux tbaxxi l-istandards”.
Il-Bord fil-konklużjonijiet tiegħu jinsisti li din l-Inkjesta “kien okkażjoni biex il-pajjiż ifittex ir-ruħ tiegħu”.
Il-Bord jinsisti wkoll li l-kultura ta’ “kollox jgħaddi” m’għandha qatt tkun permessa f’soċjetà demokratika.
Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika jgħid li x-xena ta’ dakinhar li seħħet it-traġedja f’Kordin għandha tibqa’ stampata fil-memorja kollettiva tal-pajjiż. “Tibqa’ xena ta’ għajb u mistħija; daqqa ta’ ħarta għall-governanza tajba”.
//= $special ?>