Internazzjonali

L-Istati Uniti: Rebħa għal Biden f’Michigan…Iżda d-Demokratiċi qed jinkwetaw dwar ‘stil ta’ protesta’

Kollox qed jindika li l-President Amerikan Joe Biden – il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House – rebaħ faċilment il-primarji tal-partit tiegħu fl-Istat ta’ Michigan. Dan minkejja l-vot ta’ protesta sinifikanti ( u lokali) dwar l-appoġġ sħiħ tal-Istati Uniti lil Iżrael matul il-gwerra fil-Medda ta’ Gaza.

Jidher li Joe Biden rebaħ mat-80 fil-mija tal-vot f’Michigan – iżda l-indeċiżi u ċ-ċittadini li astjenew mill-vot kienu kalkulati madwar it-13 fil-mija….Ammont akbar milli mistenni oriġinarjament.

Fil-fatt, l-uffiċjali mal-kampanja ta’ Biden għandhom jevalwaw sew is-sitwazzjoni f’Michigan – li, bħala ‘swing State’, se jkun influwenti ħafna għall-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru. F’dan il-każ huma se jaraw jekk ix-xejra (trend) fl-Istat partikulari tirriflettix il-pożizzjoni tal-votanti fl-Istati oħrajn tal-pajjiż.

Ħafna votanti Amerikani huma rrabjati dwar il-politika Amerikana fir-rigward tal-konflitt ta’ Gaza. Dan waqt li l-attivisti mal-grupp Listen to Michigan esprimew sodisfazzjon għall-fatt li ‘il fuq minn 100,000 ‘ma impenjawx ruħhom bil-vot’ fil-proċess ta’ sigħat ilu.

Ix-xejra kapaċi, ‘il quddiem, tirrepeti ruħha wkoll bħala ‘protesta kontra l-gwerra’ fi Stati bħal Minnesota, Pennsylvania u Georgia – bl-aħħar Stat ikun kruċjali fl-aħħar elezzjoni Presidenzjali fejn Biden kien għeleb lill-eks President Amerikan Donald Trump.