Lokali

Robert Abela jibqa’ ma jġorr l-ebda responsabbiltà

“Hija stampa ta’ żbalji mill-ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà għalihom. Dan għandu jkun l-Istat li naqas milli jżomm għajnejh miftuħa għat-taħwid fil-qasam tal-Eżekuttiv.”

Dan huwa dak li ntqal f’paġna 405 fl-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Konferma iswed fuq l-abjad li l-Gvern ta’ Robert Abela falla kompletament fis-settur tal-kostruzzjoni u naqas bi kbir lil dan iż-żagħżugħ li ħallas b’ħajtu għal dan il-falliment.

Inkjesta Pubblika li fiha 484 paġna b’ċanfira kemm lill-Gvern kif ukoll lill-awtoritajiet governattivi. Inkjesta li fiha ħarġu 39 rakkomandazzjoni; iżda meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti preżenti f’Kastilja il-Prim Ministru fl-ebda ħin ma assigura li se jimplimentahom kollha. Dan wara li t-Tnejn li għadda fil-Parlament il-Partit Nazzjonalista għamel din it-talba b’mod dirett – l-istess kif qed tagħmel Isabelle Bonnici.

Apparti minn hekk, Robert Abela ma ta’ l-ebda timeline ta’ meta se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet. U meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti Robert Abela ammetta li ma jistax jiggarantixxi li f’pajjiżna ma jkollniex traġedja simili bħal dik ta’ Jean Paul Sofia.

Meta kien mistoqsi minn Net News dwar min se jkun qed jerfa responsabbiltà għal din it-traġedja, Robert Abela qalilna biss li kellem lil dawk il-persuni li għalihom saret referenza fl-Inkjesta u indika li kien qed jistenna r-riżenja tagħhom.

Iżda mistoqsi għal darba darbtejn dwar min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà minn naħa tal-Gvern….u jekk jassigurax li se tintrefà responsabbiltà ….huwa fl-ebda ħin ma ikkommetta ruħu b’mod ċar.