Lokali

ANALIŻI: “Il-ħtija taqa’ biss fuq l-Istat” – Abela ma jġorr ebda responsabbiltà

Kważi 500 paġna, kollha b’kundanna ċara lejn il-Gvern u l-awtoritajiet. Inkjesta iebsa immens. Daqqa ta’ ħarta għall-governanza. L-Istat huwa responsabbli.

Il-ġurnali tal-Ħamis kollha kelma waħda wara l-pubblikazzjoni tal-Inkjesta li saret dwar il-każ traġiku ta’ Jean Paul Sofia – żagħżugħ illi miet f’sit li ma kien ikkontrollat mill-ebda awtorità regolatorja. Bl-Inkjesta tgħid illi saru żballji ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà tagħhom. U dan għandu jkun l-Istat”.

Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika jgħid li x-xena ta’ dakinhar li seħħet it-traġedja f’Kordin għandha tibqa’ stampata fil-memorja kollettiva tal-pajjiż. U trid “tibqa’ xena ta’ għajb u mistħija; daqqa ta’ ħarta għall-governanza tajba”.

L-Inkjesta kienet ukoll ċara kristall meta qalet li l-ħtija “taqa’ biss fuq l-istat” għall-fatt ebda entità ma kienet responsabbli minn dan is-sit f’Kordin.

Robert Abela jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltà

Kien propju it-3 ta’ Diċembru tal-2022, meta binja f’Kordin li kienet għadha fi stat ta’ kostruzzjoni krollat – 5 persuni kienu indarbu, u ż-żagħżugħ ta’ 20 sena Jean Paul Sofia tilef ħajtu.

Dwar dan l-inċident traġiku kienet infetħet inkjesta Maġisterjali, pero omm Jean Paul Sofia riedet il-verità kollha – riedet Inkjesta Pubblika. U għalhekk il-PN ingħaqad ma din s-sejħa ta’ omm, li kienet għaddejja minn martirju wara li tilfet lil binha.

Meta l-PN ressaq il-mozzjoni fil-Parlament, il-Labour ivvota kontra. Fl-istess ġimgħa, Abela ħarab bil-yacht. Sakemm tliet ijiem wara, kien kostrett jagħmel u-turn – u baxxa rasu għall-pressjoni tal-poplu, li nġabar quddiem Kastilja fi protesta.

Intant, wara s-seduta tal-Erbgħa Robert Abela ma ta ebda kummenti lill-ġurnalisti. U ma wieġeb xejn għas-sejħa tal-Kap tal-PN Bernard Grech li għandha tintrefa’ responsabbiltà politika minnu u minn tliet Ministri tal-Gvern.