Illum hu d-29 ta’ Frar; ġurnata li tiġi biss kull erba’ snin.
Din is-sena hi magħrufa bħala Sena Biżestili, jew bl-Ingliż, Leap Year.
Dan il-jum hu riżultat tal-fatt li d-dinja ddum iddur madwar ix-xemx propju 365.2422 ġurnata u mhux 365 eżatt, u b’hekk dan il-jum jagħmel tajjeb għall-minuti żejda li d-dinja tieħu kul sena biex tagħmel dawra sħiħa madwar ix-xemx.
Izda dan il-kalkolu mhux perfett, hekk kif kull 400 sena qed nitilfu 3 ijiem. B’hekk, 10,000 sena oħra rridu nerġgħu nanaliżżaw il-mod kif nikkalkulaw il-ġranet u s-snin.
Iċ-ċans li xi ħadd jitwieled f’dan il-jum huwa wieħed minn kull 1,461 tarbija – u jekk xi ħadd li twieled f’dan il-jum jagħlaq mitt sena, hu jkun iċċelebra għeluq sninu fil-ġurnata l-propja 25 darba biss.
Madwar id-dinja hemm madwar 5 miljun persuna li llum qed jiċċelebraw għeluq sninhom. Min jitwieled f’dan il-jum ikun magħruf bħala leapling.
Dan il-jum iġib miegħu diversi tradizzjonijiet kif ukoll superstizzjonijiet. Filwaqt li fl-Ingilterra u fl-Irlanda hi tradizzzjoni li n-nisa jipproponu lill-irġiel f’dan il-jum, fl-Iskozja r-raġel jaqla’ multa ta’ bejn Sterlina sa libsa tal-ħarir jekk ma jaċċettax!
Fid-Danimarka r-raġel irid jixtri lil mara 12-il par ingwanti biex jgħattu l-idejn bla ċrieket tal-mara jekk hu ma jaċċettax.
Minn naħa l-oħra, fil-Greċja u fl-Ukrajna jemmnu li min jiżżewweġ f’din is-sena, il-koppja tispiċċa tiddivorzja…
Fi Franza, f’dan il-jum biss tiġi ppubblikata l-gazzetta satirika La Bougie du Sapeur li mill-ewwel darba li nbiegħet fl-1980, tibqa l-iżjed gazzetta mibjugħa fid-29 ta’ Frar.
//= $special ?>