Lokali

Il-Kamra tal-Periti titlob laqgħa urġenti mal-Prim Ministru

Il-Kamra tal-Periti permezz ta’ ittra talbet għal laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Inkjesta Pubblika jiġu implimentati bl-aħjar mod possibli. Din hija konferma oħra ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni minn naħa tal-Gvern ta’ Robert Abela.

Fl-ittra huma qalu li fid-dawl tal-konsiderazzjonjiet u konklużjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, jittamaw illi issa ma jibqa’ ebda dubju dwar il-kompetenza u l-ġenwinità tal-proposti li l-Kamra tal-Periti ilha tisħaq dwarhom sa mill-2019 u anke permezz ta’ diversi stqarrijiet, rapporti, u interventi f’laqgħat varji.

Huma saħqu li issa huwa ċar iżjed minn qatt qabel illi l-Kamra hija interlokutur kredibbli u affidabbli għall-Gvern, li fuqu il-Kabinett kollu ser ikompli jsib fiha punt ta’ riferenza b’rakkomandazzjonijiet u inputs tekniċi tal-ogħla livell.

Apparti minn hekk, matul din il-laqgħa huma jixtiequ jiddiskutu wkoll il-futur tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni illi sallum ma rnexxilhiex issib saqajha sew, minkejja illi għaddew kważi tliet snin mit-twaqqif tagħha, u mhux jirnexxielha tilħaq l-aspettattivi tal-Gvern li tmexxi inti u dik tal-opinjoni pubblika in ġenerali.