Raġel ta’ 55 sena mill-Manikata nstab ħati ta’ trattament ħażin fil-konfront tal-annimali u ġie mmultat €3,500 wara li fost l-oħrajn instab ħati li żamm kelba marida msakkra f’garaxx waħedha għal tliet snin.
Joseph Giardina nstab ħati li wettaq dan ir-reat fi Frar ta’ sentejn ilu, fejn ġiegħel kelba ssofri wġigħ, tbatija u dwejjaq, li żammha mingħajr ma kien responsabbli għat-trattament xieraq tagħha u ħalliha tiġġerra fit-triq. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset kif l-imputat ma wera ebda rimors.
Il-Maġistrat Rachel Montebello, semgħet kif uffiċjali tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali waslilhom rapport li kien hemm kelba qed tiġri barra fi Triq il-Mejjiesa, il-Manikata u kienet ilha ġranet tiġri barra.
Meta marru fuq il-post sabu lill-kelba, Emma, magħluba u magħdura ħafna u kienet tidher fi stat ħażin ta’ saħħa, bil-kustilji u x-xewka ta’ daharha jidhru jisporġu ’l barra minn taħt il-pil. Wara li tkellmu mas-sid, il-kelba ġiet ikkonfiskata u qed tinżamm għall-kura f’Island Sanctuary.
Veterinarja li eżaminat lill-kelba kienet xhud importanti fil-każ fejn din qalet li l-kelba kienet tbati mill-artrite fl-irkoppa, minkeb u fil-ġenbejn, kienet irqiqa ħafna, kellha tumur f’ħalqha u mard fil-ħanek.
Ħareġ ukoll li kellha nefħa f’għonqha li kien fiha tumuri iebsin b’wieħed minnhom ħarġet il-marda tas-sandfly li kienet kronika. Il-kelba kellha wkoll infjammazzjoni f’għajnejha u infezzjoni fl-għajnejn ikkawżat b’effett tas-sandfly li minħabba fihom kienet muġugħa ħafna f’għajnejha. Qalet li ħareġ li l-kelba kienet ilha żmien twil tbati fosthom bit-tumur.
Impjegata fl-Island Sanctuary qalet li l-ħarsa tal-kelba kienet tixhed bħala waħda mdejqa u kienet turi li kienet traskurata u bil-ġuħ. Kellha wkoll boċċa f’xofftejha u kull darba li tiekol tigdimha u joħroġ id-demm, tant li ma setgħetx tiekol. Wara li ġiet operata bdiet tiekol u żiedet fil-piż u dehret kuntenta.
Ħalliha f’garaxx għax ħadd ma seta’ jżommha
Sid il-kelba qal li kien addottaha u dejjem għexet id-dar iżda meta ssepara ħadd ma seta’ jżommha u għalhekk l-aħħar tliet snin għexet waħedha fil-garaxx. Qal li kien imur kuljum ħdejha u joħroġha u li l-aħħar darba li ħadha għand veterinarju kien madwar 10 snin ilu.
Il-Qorti kellha kliem iebes għal Giardina u qalet kif fi xjuħitha l-kelba sfat iżolata u mwarrba f’solitudni ta’ garaxx imsakkra waħedha ġurnata wara l-oħra għal tliet snin sħaħ. Qalet li l-garaxx mhux post xieraq biex tinżamm kelba waħedha.
Qalet li Emma ġiet traskurata kemm mill-affarijiet bażiċi tal-ħajja ta’ kuljum, fosthom eżerċizzju, ambjent xieraq u kumpanija u fuq kollox f’saħħitha. Qalet ukoll li meta ġie affaċċjat bil-qagħda tagħha għażel li ma jagħmel xejn.
Il-Qorti qalet ukoll li huwa ta’ stmerrija t-tentattiv tiegħu, li biex jiġġustifika għemilu, qal li l-kelba kienet imdaħħla fiż-żmien u li kellha kien minħabba x-xjuħija. Qalet li l-imputat webbes rasu u ma għamilx li kien hemm bżonn biex ma tbatix bla bżonn u ma ddejjaq xejn iħalliha waħedha f’qagħda mwiegħra maqfula f’garaxx waħedha tistenna l-mument li jiddeċiedi li jmur jitmagħha.
Il-Mapistrat tenniet li ebda annimal imdaħħal fi żmien u fi stat ta’ saħħa ħażina m’għandu jinżamm hekk mitluq u msakkar għal tliet sħaħ mingħajr wens. Innotat kif l-imputat xehed kif il-kelba kienet telqet tiġri meta fetaħ il-bieb biex toħroġ tagħmel il-bżonnijiet tagħha u ma setax isibha. Il-Qorti nnotat li mhux talli ħarġet bla ċinga talli meta raha telqet tiġri telaq ’l hemm.
//= $special ?>