Randolph Debattista, PL
Id-Deputat Laburista Randoph Debattista qal fil-parlament li wara r-rapport tal-inkjesta dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia jħossu jistħi fil-konfront tal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia.
Randolph Debattista qal li meta nhar l-Erbgħa kien ħiereġ mill-parlament rasu baxxuta kien mistoqsi dwar Isabelle Bonnici u jekk jitlobiex skuża. Hu qal li l-iskuża tiegħu ftit tagħmel differenza għal Isabelle Bonnici.
Inħossni nistħi; iżda l-politiċi jridu jkunu iktar ġenwini u jaħdmu b’emozzjoni dwar dak li qed iħossu. Jien ma jinteressanix jekk nidhirx b’saħħiti jew le iżda jien ngħid dak li nħoss, sostna d-deputat Laburista.
Randolph Debattista qal li hu jibqa’ jiġġieled l-attitudni ta’ min ma jinteressahx minn ħaddieħor għax qed jagħmel il-flus. Hu appella għal soċjetà ta’ rispett fejn il-bully ma jirrenjax u fejn ħadd ma jipparkja karozza quddiem rampa. Jeħtieġ soċjetà fejn l-aċċessibbiltà ma tkunx xkiel, sostna d-deputat Laburista.
Hu qal li l-poplu qed jimtela’ bit-tama għaliex jista’ jkun li se jibdew jinbidlu ċertu affaraijiet wara r-rapport tal-inkjesta fejn il-bully u l-kriminal ma jibqax jirrenja.
Id-deputat Laburista qal li kulħadd irid jitgħallem minn din l-inkjesta anki dawk li jikkummentaw politikament. M’hemmx lok għal partiġġjaniżmu u min xerred xniegħat fuq Isabelle Bonnici għandu jkun kundannat. Anki l-politiċi jridu jitgħallmu minn din l-inkjesta, sostna Randolph Debattista.
Id-deputat Laburista kompla li min imexxi l-awtoritajiet qiegħed hemm biex jiddeċiedi u mhux biex ma jiddeċidix. Hu qal li fil-pajjiż għandu jkun hawn rispett li għandha tibqa’ mill-edukazzjoni.