Lokali Qorti

L-aħwa Degiorgio jistqarru li Carmelo Abela u Chris Cardona kienu nvoluti fis-serqa ppjanata fl-HSBC

L-aħwa Degiorgio taħt ġurament fil-Qorti kkonfermaw dak li ilhom jistqarru li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu involuti fis-serqa ppjanata tal-HSBC ġewwa Ħal-Qormi. George u Alfred Degiorgio, kienu qed jixhdu fi proċeduri ta’ malafama li l-eks ministru Carmelo Abela fetaħ kontra l-Avukat Jason Azzopardi fuq kummenti li kien għamel fuq il-media soċjali dwar l-attentat ta’ serqa fil-bank fl-2010.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qed tippresjedi l-kawża ta’ libell imressqa mill-eks ministru Carmelo Abela kontra l-eks Deputat tal-PN Jason Azzopardi għax ħassu malafamt fuq post fuq Facebook fejn Azzopardi qal li Abela kellu x’jaqsam ma’ dan ir-reat infami ta’ attentat ta’ serq bl-armi fl-uffiċċju prinċipali tal-Bank HSBC.

Fil-post tiegħu f’April tal-2021 fuq Facebook, Azzopardi kien sostna wkoll li Abela rċieva €300,000 bħala ħlas għal allegat rwol fis-serqa. Abela kien ħareġ ċaħda kategorika u fetaħ libell għax ħassu malafamat.
L-Avukat Joseph Zammit Maempel talab lix-xhud biex iħares lejn dokument esebit fil-fajl tal-każ, fejn kien sar affidavit mill-aħwa Degiorgio li jsemmu lil Carmelo Abela u Chris Cardona bħala dawk involuti fit-tentattiv tas-serqa tal-HSBC.

Il-qorti staqsiet lil Alfred Degiorgio jekk jikkonfermax il-kontenut tagħha. Huwa kkonferma. L-Avukat Paul Lia li qed jidher għal eks Ministru Abela staqsa dwar x’kienu ċ-ċirkostanzi meta ħareġ dik id-dikjarazzjoni. “Nikkonferma l-kontenut u se nissostanzjahom.” Degiorgio wieġeb.

Alfred Degiorgio qal li kien għamel ħafna dikjarazzjonijiet. “Min ittajpjaha?” huwa kien mistoqsi. “L-avukat tiegħi. Dr Noel Bianco” Id-dokument ma kienx iffirmat, iżda Degiorgio jgħid li ffirmah issa. “Ma kontx ġejt mitlub niffirma oriġinarjament… Ridt niżvela n-nies involuti fil-serq – David Gatt, Chris Cardona, Toni ‘l-Biglee’, Duminku ‘tal-SAG’… Jien ma nagħmel xejn għal xejn.”

Degiorgio qal li hu u ħuh ġew injorati meta ressqu talbiet għall-maħfra. “Il-pulizija lanqas ħarset lejhom.”
L-Avukat Lia staqsa jekk kienx għamel id-dikjarazzjoni sabiex jgħin iċ-ċansijiet tiegħu biex jikseb maħfra. “Iva,” huwa wieġeb.

“Meta tlabna l-maħfra, semmejt kemm il-każ Caruana Galizia kif ukoll l-HSBC.” Degiorgio jikkonferma li d-dikjarazzjoni ġuramentata tiegħu saret wara l-kundanna tiegħu dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Wara xehed ħuh George Degiorgio fejn intwera d-dikjarazzjoni u mitlub jikkonferma jekk kienx involut fl-abbozzar tagħha. “Dan l-affidavit għamilnih sena u nofs ilu, iżda kienet se jiġri xi ħaġa u spiċċajna ma ffirmajniehx.”

“Madwar tlieta jew erba’ snin ilu, konna tlabna maħfra presidenzjali u morna l-Kwartieri Ġenerali tal-pulizija biex nitkellmu mal-Ispettur Mercieca. Tkellimna dwar il-każ iżda ma ġara xejn. Ħadd ma ħa interess. Tkellimna fuq is-serqa tal-HSBC.

“Ridna nsemmu lil Cardona, Abela… mhux se nsemmi oħrajn mhux imniżżlin f’din l-istqarrija… meta jkun il-waqt se nsemmihom. Tkellimt biss dwar il-każ tiegħu. Kieku ridt tisma’ l-istorja kollha, għaliex ma ġejniex avviċinati erba’ snin ilu?”

L-Avukat Lia staqsa jekk hemmx oħrajn involuti wara li ħuh Alfred semma ħames persuni. “Ħija jaf iktar minni.” George Degiorgio isostni li l-aħwa ġew ittraditi minn Chris Cardona minħabba s-serq. “Dan mhux qed nagħmlu minħabba r-rifjut tal-maħfra… hemm ħafna xi ngħidu wkoll dwar is-serq tal-bank f’Ħal Balzan.” Is-seduta li jmiss issa differita għat-8 ta’ April.

L-aħwa Degiorgio bħalissa jinsabu l-ħabs jiskontaw sentenza ta’ 40 sena talli wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’dikjarazzjoni ġuramentata li saret f’Jannar, huma kienu sostnew li l-eks Ministri Carmelo Abela u Chris Cardona kienu “taw struzzjonijiet sabiex is-serqa fl-Uffiċċju Prinċipali tal-HSBC ikompli.”

Għal Carmelo Abela qed jidher l-Avukat Pawlu Lia, filwaqt li Jason Azzopardi qed ikun assistit mill-avukat Joseph Zammit Maempel.