Lokali Parlament

L-inġustizzji soċjali jwasslu għal impunità istituzzjonalizzata


Ivan Bartolo, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-parlament li jkun hemm ċirkostanzi li fihom il-pajjiż ikun daħal fi sqaq u sostna li qatt daqs illum ma kienu esperjenzati inġustizzji soċjali li jwasslu għall-kultura ta’ impunità istituzzjonalizzata.


Hu qal li m’hemmx bżonn isiru traġedji biex isiru r-riformi meħtieġa u kompla li kienu ma kinux il-ġenituri ta’ Jean Paul Soofia u l-Opożizzjoni, il-ġustizzja ma sarux. Kienet l-Oppożizzjoni appellat mill-ewwel biex issir l-inkjesta dwar Jean Paul Sofia.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex dawk li ma jaqblux ikolhom il-kuraġġ jitkellmu. Quddiem it-talba għal inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, id-deputati Laburisti kolha vvotaw kontra.
Ivan Bartolo qal li l-poplu nduna li xi drabi d-deputati jkunu biss plastic u ma jkunux qed jagħmlu d-differenza. Ħafna nies qatgħu qalbhom mill-politika fejn l-apatija u l-indifferenza qed jheżżu d-demokrazija tal-pajjiż. Kien għalhekk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali 60,000 persuna ma vvutawx; din hi sfiduċja totali.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li ġadd ma jrid jiddedika ħajtu għall-politika f’dawn iċ-ċirkostanzi. Il-PL ma żammx il-wiegħda tiegħu dwar il-meritokrazija.


Ivan Bartolo tkellem dwar l-importanza tas-sigurtà fis-siti ta’ kostruzzjoni u qal li l-Kodiċi tal-Bini ma kienx pubblikat għax inbidel il-ministru responsabbli. Hu qal li l-PN ma jridx politika ta’ irresponsabbiltà u ma jistax jagħlaq għajnejh għal dak li qed iseħħ fil-pajjiż qisu mhu jiġri xejn.