Internazzjonali

L-Iran: Mistennija jisfidaw lir-reġim wara l-insistenza biex ‘joħorġu jivvutaw’

Il-poplu Iranjan, għada l-Ġimgħa, jivvota għall-Parlament kif ukoll għall-hekk-imsejħa Assemblea tal-Esperti, f’Tehran….Dan meta qed jispikka l-bojkott minn diversi setturi tas-soċjetà li jiddubitaw kemm dan il-proċess se jkun wieħed leġittimu.

Fil-fatt, ‘il fuq minn 275 attivist politiku, soċjali u kulturali ħabbru d-deċiżjoni biex jastjenu minn kwalunkwe sehem fl-elezzjonijiet. Dan fost l-insistenza li l-elezzjoni qed tkun immanipulata għall-iskaptu tal-poplu u li l-verdett finali mhux se jirrifletti l-vera rieda tal-Iranjani.

L-attivisti qed jinsistu biex is-sistema elettorali fl-Iran tgħaddi mir-riformi urġenti li jaċċertaw elementi ġenwini ta’ parteċipazzjoni u rappreżentazzjoni. Sadanittant, issieħbu fil-bojkott tal-elezzjoni diversi personalitajiet notevoli flimkien ma’ xi gruppi politiċi kif ukoll numru ta’ Iranjani li spiċċaw il-ħabs wara li esprimew fehmiet kuntrarji għar-reġim immexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei.

U waqt li l-elezzjonijiet qed isiru taħt sħaba kbira ta’ xettiċiżmu, Khamenei, bħala l-Mexxej Suprem tal-Iran, insista biex il-poplu jipparteċipa bis-sħiħ fl-elezzjonijiet ta’ għada. Madankollu, l-aħħar stħarriġ popolari juri li ammont sinifikanti ta’ Iranjani qed iħossuhom diżillużi bis-sistema elettorali – b’madwar 70 fil-mija tan-nies intervistati jesprimu l-intenzjoni tagħhom biex jastenju mill-vot.