Albert Buttigieg, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-parlament li l-Istat mhux biss naqqas lill-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia iżda wkoll lill-pajjiż; il-gvern għandu jdejh imċappsin bid-demm ta’ Jean Paul Sofia.
Albert Buttigieg sellem lil dawk kollha li mietu fil-kostruzzjoni u qal li għad hemm 32 inkjesta miftuħa fejn il-familji għad m’għandhomx għeluq fil-kapitlu traġiku li għaddew minnu. Għat-tieni darba l-Istat Malti ngħata r-responsabbiltà għall-mewt miċ-ċittadini tiegħu.
Hu qal li diġà kien hemm inkjesta pubblika li fiha l-Istat instab ħati tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia; mhux biżżejjed li uffiċjali tal-gvern jintalbu jirriżenjaw biex tittaffa r-rabja tan-nies.
Dawn huma n-nagħaġ tas-sagrifiċċju, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-ministri għandhom ir-responsabbiltà li jaraw li dawn l-uffiċjali jwettqu d-doveri tagħhom u għalhekk huma wkoll responsbabli. Il-pożizzjoni ta’ Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri mhijiex iktar tenibbli.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-ministri jridu jerfgħu r-responsabbiltà politika għaliex kienu huma li ħatru lill-uffiċjali li ma wettqux dmirhom. Il-ministri responsabbli naqsu lill-Istat meta għa’lu persuni skont il-leltà tagħhom lejn il-PL anki meta kien hemm konflitt ċar ta’ interess. Il-Perit Maria Schembri Grima għandha konflitt ta’ interess għaliex hi l-perit ta’ wieħed mill-iżviluppaturi Joseph Portelli.
Il-Prim Ministru hu wkoll responsabbli għaliex l-Istat instab ħati, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li sisa wara 10 snin il-Prim Ministru qed jgħid li mhux se jaċċetta iktar illegalijiet.
Dan meta l-gvern Laburista ħalla lil uħud mill-kuntratturi jagħmlu li jridu. Il-Prim Ministru qed joffri biss helpline li diġà jeżisti fil-BCA iżda ħadd ma jirnexxielu jaqbad il-linja u ċ-ċittadini jridu jtuhom in-numru tal-PA. Wara ċ-ċittadini jkunu mgħarrfa li m’hemmx spetturi. Fi tmiem il-ġimgħa ma jkunx hemm is-servizzi u għalhekk l-iżviluppaturi jwettqu x-xogħlijiet f’dawk il-mumenti.
Id-deputat Nazzjonalista qal li r-rapporti tal-Ombudsman dwar l-Ambjent qed ikun injorat mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-parlamnet, kif ġara dwar struttura fil-Balluta. Issa l-Prim Ministru qed jgħid li jrid jagħti saħħa lill-Ombudsman dwar l-Ambjent. L-Awtorità tal-Ippjanar qed tapprova l-illegalitajiet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-PL jinsab ferm viċin mal-fat cats li għandhom kilba għall-flus.