Jerome Caruana Cilia, PN
“L-istorja tat raġun lil Isabelle u John, il-ġenituri tal-mibki iżda qatt minsi Jean Paul Sofia. Mhux ta’ b’xejn li akkost ta’ kollox ma riedux li tinħatar inkjesta pubblika. Għalhekk, għandha tintrefa’ r-responsabbilta’ politika”. Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista u Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia fl-Aġġornament tal-parlament.
Hu fakkar kif it-traġedja Jean Paul Sofia xxukjat nazzjon. “Għaddew kważi 15-il xahar mit-traġedja li seħħet fit-3 ta’ Diċembru tal-2022 u għadu ħadd ma refa’ r-responsabbilita’ politika. Qas ħadd ma jista’ jimmaġina d-dulur li għaddejjin minnu ommu u missieru u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia”, qal id-deputat Caruana Cilia.
Hu fakkar kif f’din il-ġurnata sewda, Jean Paul Sofia, li kellu għoxrin sena tilef ħajtu meta nqabad taħt it-tifrik tal-binja li ġġarfet f’Kordin. Il-katavru tiegħu nħareġ mill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kmieni l-għada, il-Ħadd filgħodu, wara ħidma ta’ salvataġġ illi damet ‘il fuq minn 15-il siegħa. Jean Paul safa’ maqtul ħabta u sabta. Instab mejjet taħt it-terrapien.
“Ma kenitx faċli. Il-qraba ta’ Jean Paul, partikolarment ommu Isabelle għaddiet minn ħafna. Qas tistgħu timmaġinaw. Minkejja l-ostakli kollha, baqgħet iffukata u determinata favur il-verità. Minn kollox għamlu biex tiskot u ma tibqax tinsisti bl-għajta favur l-inkjesta pubblika. Pruvaw jixtruha, attakkawha personali, pruvaw jirredikolawha u jżebulħuha. Iżda Isabelle ma beżgħetx mill-Cowboys, ma beżgħetx mill-bullies, ma beżgħetx mill-partitarji mgħammda bil-partiġġjaniżmu politiku. Imma baqgħet tiġġieled għas-sewwa” kompla jgħid, f’diskors imqanqal.
Ma jistax ikun illi issir traġedja bħal din, tinqatel persuna innoċenti, u ħadd ma jerfa’ r-responsabbilta’ politika.
Hu fakkar kif il-membri parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista vvotaw favur li tinħatar inkjesta pubblika. Il-Prim Ministru, baqa’ stinat u jwebbes qalbu fil-konfront tal-ġenituri u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia, sal-aħħar. Hu u l-Grupp Parlamentari Laburista vvotaw kontra li tinħatar inkjesta.
“Infakkar, li meta ra l-għadab tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Prim Ministru ma kellux għażla oħra u ddeċieda li jaħtar inkjesta pubblika. Kull ma xtaqu l-qraba ta’ Jean Paul, li tassew l-affarijiet jimxu bi trasparenza u mhux bil-ħabi, biex tassew ikollna l-verità u l-verità kollha, biex tassew ikollna l-ġustizzja”, sostna s-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia. Hu reġa’ sostna li għandha tintrefa’ r-responsabbilta’ politika u tintrefa’ minnufih.
Jerome Caruana Cilia rringrazzja lill-ġenituri ta’ Jean Paul, Isabelle u John, imma partikolarment lil ommu Isabelle “li minkejja d-dulur perpetwu, iddeċidiet li tikteb l-istorja. Mhux għaliha personali, imma għall-ġid komuni u għall-ġenerazzjonijiet futuri”
//= $special ?>