Inqatlu ‘il fuq minn 100 Palestinjan huma u jistennew għall-kunsinni tal-għajnuna li, fl-aħħar sigħat, kellhom jaslu fl-artijiet ta’ Gaza lejn it-Tramuntana. Il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, immexxi mill-grupp Ħamas, qed iwaħħal id-dmija direttament fil-qawwiet ta’ Iżrael, li, min-naħa tagħhom, qed ikomplu bl-assedju fuq il-fortizzi tat-terroristi qalb il-komunitajiet iffullati biċ-ċivili Palestinjani.
Il-media Palestinjani, intant, qalet li t-truppi Iżraeljani sparaw direttament lejn il-folol ta’ ċivili – bis-sorsi militari ta’ Iżrael isostnu li s-suldati tagħhom kienu kostretti li jiftħu n-nar ‘minħabba l-periklu għal ħajjithom’.
Stqarrija oħra minn Iżrael irreferiet ukoll għall-persuni li mietu mgħaffġin taħt saqajn il-folol – u b’oħrajn jintlaqtu mit-trakkijiet b’konsegwenzi fatali.
Il-vera ċirkustanzi huma pjuttost konfużi, bil-media fil-Belt ta’ Gaza qed tgħid ukoll li ‘it-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani kienu sparaw għal fuq il-folol miġburin fl-inħawi biex jingħataw l-għajnuna’.
Ir-rapport, intant, qed jitqies bħala sempliċi allegazzjoni, bl-Armata Iżraeljana tisħaq li t-tankijiet tal-gwerra qatt ma aggredew lill-folol b’dan il-mod.
Il-katavri tal-vittmi f’Gaza ittieħdu ‘il hinn fit-trakkijiet u bil-karettuni, bl-awtoritajiet Iżraeljani jibdew jinvestigaw iċ-ċirkustanzi eżatti li wasslu għad-dmija.
U waqt li Iżrael qed jinsisti bil-konflitt intensiv kontra t-terroristi tal-Ħamas, in-Nazzjonijiet Uniti kompliet twissi dwar sitwazzjoni katastrofika li qed tiżviluppa għar-residenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza u li qed ikollhom jgħixu bi ftit li xejn tal-ikel, ilma u affarijiet essenzjali oħra.