Lokali

Mossa ta’ Robert Abela biex ikompli jinki lil Clyde Caruana

Possibilment hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li l-Intern u x-Xogħol se jkunu magħquda f’Ministeru wieħed. Dan hekk kif issa l-Prim Ministru poġġa’ x-xogħol taħt ir-responsabbiltà ta’ Byron Camilleri.

Fi kliem sempliċi, Robert Abela għażel li jneħħi l-aġenzija Jobs+ minn taħt idejn il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, sabiex l-issues kollha relatati mal-mudell ekonomiku jibqgħu fil-kontroll tal-klikka tiegħu – dan jinkludi wkoll il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li Robert Abela ħa deċiżjoni li l-aġenziji Identità u Jobs+ ikunu responsabbiltà tal-istess Ministeru. Il-pass ittieħed – dejjem skont Kastilja – sabiex “tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-entitajiet governattivi.”

Għal dan il-għan il-Ministru Byron Camilleri se jkun qed iservi bħala Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol.

B’konsegwenza ta’ din il-bidla, ir-riformi u l-ugwaljanza issa se jkunu qed jimxu taħt id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, bis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tibqa’ fdata bir-responsabbiltà tas-setturi. Il-Ministeru se jkun iġib l-isem tal-Ministeru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali.