Internazzjonali

Vladimir Putin: Theddida rari dwar ‘gwerra nukleari’ fid-diskors annwali rigward is-sitwazzjoni tar-Russja

Il-President Russu Vladimir Putin wissa biċ-ċar  li għandu jkun hemm il-‘konsegwenzi traġiċi’ f’sitwazzjoni fejn il-Punent jistazzjona t-truppi tiegħu fl-artijiet tal-Ukrajna.

Putin ħareġ bit-theddida waqt id-diskors annwali li fih jiddettalja s-sitwazzjoni ta’ pajjiżu…Diskors li kellu jsir proprju ġimgħatejn biss qabel l-elezzjoni għall-Presidenza tar-Russja.

Id-diskors mistenni minn Putin sar ukoll f’lejliet id-difna (għada) ta’ Alexei Navalny, l-akbar rivali politiku tal-President Russu u li, jiem ilu, miet taħt ċirkustanzi misterjużi f’ħabs ta’ sigurtà massima fis-Siberja.

Intant, Putin, waqt id-diskors, kompla jkabbar il-possibbiltà li l-gwerra tal-Ukrajna tassumi dimensjoni oħra u tinfirex anki lejn iċ-ċentru tal-Ewropa.  Hu insista li l-aħħar kummenti min-naħa tal-Punent qegħdin jheddu ‘konflitt bl-użu tal-armi nukleari f’ċirkustanzi li kapaċi jwasslu għat-tmiem taċ-ċivilizzazzjoni’.

Dan il-kliem ta’ Putin jidhru li kienu tweġiba diretta lill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, li din il-ġimgħa ma eskludiex il-possibbiltà li jintbagħtu s-suldati tal-Punent lejn l-Ukrajna…Pajjiż li, issa, daħal fit-tielet sena ta’ gwerra mal-militar tal-Kremlin.

Fl-istess ħin, Putin ftaħar dwar is-suċċessi militari tal-Armati tiegħu fl-Ukrajna mingħajr ma rrefera wisq għall-mijiet kbar ta’ suldati Russi li qed imutu kważi kuljum – ħlief għal talba ta’ minuta silenzju ‘b’rispett għall-eroj mitlufa ta’ pajjiżu’.

Putin qal li l-militar tiegħu qed jieħu ‘l-inizjattiva’ fl-invażjoni tal-Ukrajna u li t-truppi tiegħu qegħdin javvanzaw fuq diversi fronti tal-gwerra.

Madankollu, l-osservaturi huma xettiċi dwar dan għaliex minkejja li s-suldati Ukreni, riċentement, irtiraw mill-belt ta’ Avdiivka, hemm ftit li xejn kambjament notevoli fil-kampijiet ewlenin tal-battalja fejn tiddomina sitwazzjoni ta’ staġnar.

Ftit sorpriżi fid-diskors

Id-diskors ewlieni ta’ Putin, fil-verità, ftit irriserva sorpriżi kbar u meta hu iddedika l-ewwel nofs-siegħa għal spjegazzjoni dwar il-gwerra fl-Ukrajna….Atteġġjament li juri kemm il-President Russu hu ħerqan biex jiġġustifika l-invażjoni ta’ dan il-pajjiż f’għajnejn il-poplu tiegħu u ‘il hinn mir-Russja.

Hu mill-ġdid għamel l-almu biex ipitter lill-Punent bħala qawwa aggressiva li qed tippersisti bil-politika lejn id-destabbilizzazzjoni tar-Russja…Pajjiż li, fi kliem Putin, ‘kien sfurzat li jiddefendi l-interessi leġittimi tiegħu’.

Parti oħra tad-diskors kienet iddedikata għat-tip tal-wiegħdiet li l-politiċi jagħmlu qabel kull elezzjoni – anki jekk ftit li xejn hemm dubju li Vladimir Putin se jirbaħ bil-kbir l-elezzjoni presidenzjali li jmiss.

U dak li ma qalx Putin kien ukoll prevedibbli, bil-Mexxej Russu – li qatt ma rrefera pubblikament għal Alexei Navalny b’ismu  tul dawn is-snin – mill-ġdid ‘jinjora’ il-mewta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa li qed tkun segwita u analizzata fit-tul madwar l-Ewropa u ‘il hinn minnha.

Putin, fl-istess ħin, lanqas ma tkellem dwar il-klima ta’ ripressjoni ġenerali fir-Russja u meta hu, issa, ilu fil-poter għal aktar minn kwalunkwe Mexxej Russu ieħor mill-era tal-eks-dittatur Sovjetiku Josef Stalin, li kien miet proprju fil-5 ta’ Marzu tal-1953.