Lokali

Abela jammetti li naqas iżda ħadd mhu se jerfa’ responsabbiltà

Mera tax-xhur passati – ħadd ma huwa se jerfa’ responsabbiltà politika wara l-eżitu tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Għal aktar minn darba, il-Ġimgħa filgħodu, Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà politika wara li f’paġna 405 il-Bord tal-Inkjesta ddeskriva l-mewt ta’ Sofia bħala traġedja li kienet “riżultat ta’ żbalji ħoxnin li xi ħadd għandu d-dmir li jerfa’ responsabbiltà għalihom”…fejn saħqet li “dan għandu jkun l-Istat li naqas milli jżomm għajnejh miftuħa għat-taħwid fil-qasam Eżekuttiv”. Iżda Abela qed jimplika li ħadd m’għandu jerfa’ responsabbiltà politika.

Minkejja n-nuqqasijiet kbar minn numru ta’ Ministri u Deputati Laburisti….minkejja li saħansitra fis-sajf kienu vvotaw kontra li ssir Inkjesta Pubblika b’rabta ma’ dan il-każ….il-Prim Ministru qed jibqa’ jinsisti u jagħti x’jifhem li ħadd ma huwa se jmexxi b’eżempju, u jerfa’ responsabbiltà politika.

Għalkemm meta ġie pressat minn dan l-istazzjon, Abela spiċċa kellu jammetti li l-istat instab responsabbli. Iżda xorta, ħadd mill-klassi politika mhu se jħallas għal dan in-nuqqas.

U waqt li beda jwieġeb lil Net News, Abela għaġbu jattakka l-Inkjesta Pubblika li saret b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fejn il-Gvern instab responsabbli għal qtil tal-ġurnalista għaliex kien ħoloq kultura ta’ impunità – surrealment anke hawn ħadd ma refa’ responsabbiltà politika. Bil-Prim Ministru jgħid illi dik l-Inkjesta kienet waħda tat-teatrini.

U dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia….f’paġna 24 tal-inkjesta intqal kif prattikament Abela gideb lill-poplu meta sostna li ma riedx isejjaħ Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ dan iż-żagħżugħ għaliex tippreġudika l-proċeduri kriminali – stqarrija li ġiet deskritta mill-Bord bħala għal kollox żbaljata.

L-istess skuża kienet ġiet użata minn Robert Abela lura fl-2021 meta kien sar l-appell biex isejjaħ inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Miriam Pace…liema inkjesta għal xi raġuni baqa’ qatt ma sejjaħha.

Hawn, staqsejna lil Abela min jagħtih il-pariri legali; u ta’ x’jifhem li d-deċiżjonijiet jeħodhom waħdu.

Minkejja kollox – Robert Abela baqa’ ma wera ebda rimors li ma sejjaħx l-inkjesta pubblika wara l-mewta traġika ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu ta’ 4 snin ilu…li mietet wara li darha krollat għal kollox hekk kif kienu qed isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni biswita.

Anzi donnu qed jiftaħar li fil-każ ta’ Jean Paul Sofia sejjaħha… minkejja li rreżista bis-saħħa kollha u kellu jkun biss għall-għajta ta’ poplu, id-determinazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u r-reżiljenza ta’ omm.

Inkjesta Pubblika illi kollox qed jindika li kieku sejjaħha snin qabel u ma baqax jinjora l-appelli…din it-traġedja ta’ Kordin jaf setgħet ġiet evitata għal kollox.